Il-Prim Ministru Robert Abela qal li r-rata ta’ tilqim f’pajjiżna qed tħalli l-frott hekk kif dawk imlaqqma mhux jiġu infettati.
Dr Abela qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha tħabbru numru ta’ miżuri ġodda biex tiġi kkontrollata l-imxija.
Fil-fatt, spjega li l-awtoritajiet tas-saħħa nnutaw kif naqsu r-rati ta’ infezzjonijiet u anki l-bżonn ta’ kura fl-isptar fost nies imlaqqma għall-Covid-19.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-awtoritajiet qed jaraw li ż-żieda fil-każijiet ġiet mill-varjant tar-Renju Unit u qal kif il-miżuri bilanċjati mħabbra huma propju biex jindirizzaw dan.
Ħabbar ukoll kif l-isptar Mater Dei ħa jkun wieħed mill-ewwel sptarijiet fid-dinja li se jkollu testijiet ġodda li jintraċċaw il-varjanti l-ġodda.
Id-Depuat Prim Ministru Chris Fearne: “Nista’ nħabbar ukoll li minn din il-ġimgħa u aħna ħa nkunu wieħed mill-ewwel sptarijiet fil-dinja li se nkunu qed nagħmluha din ħa nkunu ġibna kits tat-testing li jsir wara l-iswabbing apposta, ġewwa pajjiżna li mhux biss ħa jkun jista’ jgħid persuna hux pożittiva jew le imma jekk hux pożittiva b’liema varjant jiġifieri probabbilment nibdew nużawhom minn tmiem din il-ġimgħa ħa nkunu nistgħu ngħidu kemm mill-pazjenti huma pożittivi bil varjant jew le.”
Dwar il-varjant Ingliż is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci appellat sabiex kulħadd jibqa’ jobdi d-direttivi.
Dan hekk kif dan jiġi trasmess b’rata ta’ 70% aktar mgħaġġla tal-Covid-19 oriġinali.
Prof. Gauci qalet,”Qegħdin f’sitwazzjoni fejn għandna varjant li qiegħed jinfirex malajr. Nafu li dan il-varjant għandu jiġi trasmess 70% iktar mill-virus l-ieħor tal-Covid li mhuwiex il-varjant allura rridu nkunu diliġenti ħafna iktar issa għalhekk kellna nsaħħu l-miżuri.”
Dwar il-miżura permezz tagħha se jitwaqqaf kwalunkwe sport li jinvolvi kuntatt fiżiku lil dawk ta’ taħt is-sittax il-sena, il-Professur Gauci spjegat li din il-miżura daħlet fis-seħħ sabiex jiġi evitat li każijiet li jinqadbu pożittivi waqt l-isport ikkonċernat, jiġu trasmessi fl-iskejjel.