Pajjiżna mhux se jkun responsabbli imqar għal ċenteżmu wieħed li ħaddieħor jonfoq fuq l-armi.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela, waqt il-programm Sibt il-Punt, fuq ONE, meta tkellem dwar is-summit speċjali li attenda għalih din il-ġimgħa fi Brussell – fejn huwa ddefenda n-newtralità ta’ pajjiżna u wassal messaġġ ċar kontra l-armamenti, filwaqt li qal kif trid tiġi rrispettata l-pożizzjoni ċara ta’ pajjiżna.
“Konna ċari ħafna li n-newtralità ta’ pajjiżna, in-non-allinjament u l-prinċipju li aħna ma rridux li nisselfu jew nixtru armi militari, irid jiġi rifless. Sodisfatt immens li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew – bil-miktub jispeċifikaw dan b’mod ċar – jiġifieri l-konklużjonijiet tal-Kunsill li jagħmlu referenza speċifika għall-politika partikolari ta’ difiża f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Huwa tkellem dwar kif pajjiżna huwa newtrali u ma jridx jinvesti f’armi, fejn intlaħaq qbil li pajjiżna mhux se jipparteċipa fix-xiri tal-armi u l-munizzjon. Dan filwaqt li nnota li l-Unjoni Ewropea qed tkabbar l-ekonomija permezz tal-industrija tal-armi – xi ħaġa li pajjiżna mhux se jipparteċipa fiha.
Dr. Abela qal kif għandna ekonomija b’saħħitha, u b’hekk m’għandniex immorru għal dik li tara l-qerda tal-bniedem.
Huwa nnota kif Roberta Metsola, għamlitha biċ-ċar li hi favur ix-xiri tal-armamenti, fejn hawn innota l-ipokrezija tal-Oppożizzjoni, li ma ħaditx direzzjoni ċara, iżda qed tipprova tiġġustifika u tqarraq.
“Biex jipprova jiġġustifika din il-konfużjoni li qamet fih innifsu, il-Partit Nazzjonalista, ipprova jġib il-pożizzjoni tal-Gvern li taqbel ma’ dak li qed tgħid Roberta Metsola. Kollox ta’ taħt fuq. Il-vot tiegħi ċarissimu kien – favur li Malta ma tinvestix fl-industrija tal-armi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Huwa anke nnota l-kuraġġ li wera pajjiżna – meta fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew mar kontra – bil-pajjiżi l-oħra li kellhom jaċċettaw dan.
Il-Prim Ministru żied jgħid li s-suldati huma tagħna u se jibqgħu hawnhekk, filwaqt li enfasizza dwar l-importanza tal-paċi madwar id-dinja, bi sforz kollettiv.
Dr. Abela, meta mistoqsi dwar il-każ ta’ agressjoni fuq pajjiżna, spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim, l-istati l-oħra għandhom l-obbligu li jiddefendu lil pajjiżna.
