Fuq ix-xandir nazzjonali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo saħaq fuq il-pass li ħadet Malta b’rabta mal-immigrazzjoni, fiċ-ċirkostanzi straordinarji li għaddej il-pajjiż, bil-pandemija.
Spjega li l-Unjoni Ewropea mhux tagħmel biżżejjed biex tgħin lil Malta fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Fakkar kif hemm qrib l-erba’ mitt immigrant li ilhom imwiegħda li kellhom jiġu rilokati fi stati membri oħra u dawn għadhom ma ġewx rilokati.
Huwa spjega l-argument tal-Gvern Malti quddiem pajjiżi oħra Ewropej.
“Jiena bħala persuna u bħala bniedem uman jiddispjaċini ħafna għal din it-traġedja umana kbira imma din mhiex xi kapriċċ tagħna aħna l-Maltin. Imma kif tista’ tippretendi, pajjiż ta’ erba’ mitt elf ruħ għandu, qiegħed f’parti minn unjoni ta’ kważi erba’ mitt miljun ruħ, pajjiżi oħra li huma ferm ikbar minna u għandhom ferm iktar riżorsi minna ma jerfgħux ir-responsabiltà magħna għal dan kollu li qed jiġri.” Stqarr il-Ministru Bartolo.
Il-Ministru Bartolo spjega li l-proposta tal-Gvern Malti dwar għajnuna umanitarja mill-Ewropa lil-Libja, li tammonta għal mitt miljun ewro, qed tirċievi appoġġ minn diversi pajjiżi fosthom dawk fin-nofsinhar tal-Mediterran bħall-Italja u l-Greċja.
Qal li pajjiżna mhux jistenna biss il-kliem “għandi raġun” iżda soluzzjonijiet mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru qal, “Tkellimt mal-Vatikan, tkellimt ma’ Kummissarju tal-Unjoni Ewropea, tkellimt ma’ uffiċjali għoljin ħafna tal-Ġnus Magħquda responsabbli mis-sitwazzjoni fil-Libja. Kulħadd jagħtina raġun.”
“Bil-kliem biss imma?” Saqsa l-preżentatur.
“Bil-kliem biss għax imbagħad iħalluna waħidna.” Wieġeb il-Ministru Bartolo.
Intant fuq l-istess programm fuq ix-xandir nazzjonali tkellem il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-affarijiet barranin.
Mistoqsi dwar ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni għal kwistjoni tal-immigrazzjoni, fejn stqarrija dwar l-aħħar żviluppi ħarġet jumejn wara, Carm Mifsud Bonnici ġabha bi tqila biex iwieġeb għall-fatt li stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista lanqas biss kienet iffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu.
“Anki l-fatt illi l-istqarrija lanqas kellha l-firma tal-Kap tal-Oppożizzjoni meta l-oħra kienet maħruġa mill-Prim Ministru, ukoll ħolqot ambivilenza sort of illi.” Qal il-preżentatur tal-programm.
“Insomma mhux mill-Partit ħarġet.” Wieġbu Mifsud Bonnici.
Il-preżentatur reġa’ qal, “Iva imma l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni normalment jippareġjaw lil xulxin, le? Inti tgħallimni fil-politika”
“Jista’ jkun.” Qal Mifsud Bonnici.
Fil-programm, il-preżentatur ukoll fakkar lid-deputat Nazzjonalista, li fil-Partit Popolari Ewropew, il-familja politika li fiha hemm il-Partit Nazzjonalista, jeżistu partiti li għandhom it-tmexxija ta’ stat membru u mhux juru solidarjetà ma’ pajjiż bħala Malta fuq l-immigrazzjoni.
“Hemm partit tal-EPP fosthom l-Ungerija u l-Polonja illi lanqas biss isemmijilhom l-immigrazzjoni. Iva vera. lanqas biss issemmijilhom. Lanqas biss issemmijilhom. Aħseb u ara kemm jaċċettaw illi jieħdu xi immigrant.” Qal il-preżentatur lil Mifsud Bonnici.