Malta għal darb’ oħra ġiet imfaħħra mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-avvanzi kbar li saru f’pajjiżna fl-aħħar għaxar snin.
Dan wara li pajjiżna irreġistra progress ta’ disa’ punti perċentwali fuq il-progress li kien diġa’ sar fl-indiċi tal-ugwaljanza bejn il-Ġeneri għal din is-sena.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar tinnota illi l-aqwa prestazzjoni ta’ Malta kienet fl-oqsma tal-impjieg, tal-ekonomija u s-saħħa.
Stqarret li dan kien frott il-politika li fl-aħħar snin indirizzat l-inugwaljanzi f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Cutajar stqarret, “Nilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li qiegħed jagħmel pajjiżna f’dak li huwa l-indiċi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Bla dubju fadlilna ħafna x’naqdfu pero bħala Gvern kommessi li verament ikollna Malta iżjed ugwali, Malta li ma tiddiskrimina kontra ħadd, Malta li fiha n-nisa jimirħu l-quddiem f’kull sfera tal-ħajja.”
Hija nnotat li l-pożizzjoni ta’ pajjiżna ser tkompli titjieb ladarba jitħaddem il-mekkaniżmu jsaħħaħ ir-rappreżentanza ugwali fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż. Hija innotat ukoll kif din il-ġimgħa stess ġie ippreżentat fil-parlament l-ewwel qari ta’ abbozz ta’ liġi b’numru ta’ emendi li ser jelimina d-diskriminazzjoni fit-tfassil ta’ atti notarili.