Pajjiżna kklassifika fit-tieni post fl-Unjoni Ewropea dwar kemm qed jingħata spazju għal remote working f’postijiet tax-xogħol, minflok il-lant tradizzjonali.
Dan jirriżulta minn analiżi li saret mill-kumpanija BNP Paribas Real Estate, ibbażat fuq ċifri tal-Eurostat.
Fl-aħħar ta’ Marzu li għadda, is-Servizz Pubbliku Malti ħabbar tisħiħ fil-prattiċi tar-reduced hours, il-flexitime, il-flexiweek, u r-remote working, wara konsultazzjoni wiesa’ kemm mal-uffiċjali fit-tmexxija kif ukoll mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.
Fit-tħabbira, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana kien qal li dan għandu jwassal għal aktar flessibbiltà b’inqas burokrazija, b’mod responsabbli, strutturat u effiċjenti.
Żied jgħid li proprju b’hekk isir impjegatur aktar eżemplari, bl-aktar prattiċi relevanti li jwasslu għal bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol f’pajjiżna.
F’din l-ewwel fażi ta’ modernizzar tas-Servizz Pubbliku, ir-remote working ġie strutturat b’tali mod li sar aktar family-friendly. Dan issa qed ikun ta’ eżempju wkoll għal negozji privati biex jimxu fuq l-istess linji jew simili, fejn hu possibbli.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ħarġet qatta bla ħabel kontra din il-qalba u sejħitilha diskriminatorja u li, skontha, kulħadd kien se jagħmel li jaqbillu.
L-analiżi internazzjonali, li saret fost l-istati membri tal-UE, tindika bil-maqlub u tgħid li kienet biss l-Irlanda li qabżitna bl-aħjar sistemi ta’ remote working, waqt li pajjiżi oħrajn kbar bħall-Olanda, il-Ġermanja u Franza kklassifikaw eżatt warajna f’dik l-ordni.
Fl-istess analiżi ġie nnotat kif mhux biss ir-remote working hu ta’ benefiċċju għall-ħaddiema nnifishom, iżda wkoll għal min iħaddem, hekk kif jonqos il-bżonn ta’ ċerti uffiċċji u riżorsi.
Ġie nnotat ukoll kif kienet il-pandemija tal-COVID-19 li xprunat din il-bidla drastika, hekk kif ma kien hemm ebda alternattiva oħra għal ħafna ħaddiema.
Minn stħarriġ separat li għadu kemm sar mill-Eurostat, jirriżulta li, fl-2022, 50% tal-intrapriżi Ewropej, li jimpjegaw għaxar persuni jew aktar kienu jagħmlu l-laqgħat tagħhom onlajn.
F’dan l-istħarriġ, il-persentaġġ ta’ pajjiżna wkoll kien fost l-ogħla, fejn klassifika fir-raba’ post wara l-pajjiżi Skandinavi, b’perċentwal ta’ 68.3%. Dan hu kważi 20% aħjar mill-medja fl-UE li hi ta’ 50%.