Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli saħqet li jekk il-pipeline tal-idroġenu ma jimmaterjalizzax, Malta tibqa’ marbuta ma’ użu ta’ sorsi oħra li jħammġu iżjed l-ambjent.
Kien b’dan il-mod li bdiet twieġeb lill-ġurnalisti l-Ministru Dalli b’rabta mal-ħtieġa li pajjiżna jkollu pipeline tal-idroġenu.
Malta fil-fatt kisbet deroga mill-Unjoni Ewropea biex il-pipeline propost mill-Gvern Malti jkun rikonoxxut bħala proġett ta’ interess komuni għall-Ewropa.
Dan il-proġett qed jiġi ridisinjat biex mill-pipeline ma jgħaddiex biss l-gass tal-LNG iżda eventwalment l-idroġenu.
Qed isiru wkoll studji biex il-proġett ikun konformi mal-politika Ewropea tal-Green Deal li tindirizza l-isfidi tat-tibdil fil-klima.
L-istudji mistennija wkoll jitfgħu dawl fuq l-ispejjeż marbuta mat-trasport u l-produzzjoni tal-idroġenu, tip ta’ gass li huwa nadif iżjed mil-LNG.
Dawn l-istudji huma importanti wkoll għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea, bil-Ministru Dalli tgħid li Malta ma tistax ma jkolliex dan il-pipeline biex l-ekonomija f’pajjiżna ma tkomplix tiġġenera ħafna iżjed emmissjonijiet, bl-operat tagħha.
Qalet, “Il-hydrogen hija waħda mis-sorsi tal-enerġija li fuq livell Ewropew qiegħed ikun promoss biex verament niddikarbonizzaw l-ekonomiji tagħna. U ma jistax ikun li aħna bħala pajjiż nispiċċaw maqtugħin ’il barra mill-opportunità li nżidu dak is-sors.”
Il-Ministru għall-Enerġija qalet li l-Gvern irid jimxi f’direzzjoni ta’ użu ta’ enerġija rinovabbli u iżjed nadifa apparti li tħabbar il-proġett tat-tieni interconnector.
Dr Dalli qalet li qed jissemmew ċifri inkorretti ta’ ħlas ta’ mitt miljun ewro lill-Electrogas f’każ li pajjiżna jeqleb għall-idroġenu.
Sostniet li l-pipeline tal-gass hu pjanat li jkun ikkummissjonat għall-2028 u li jservina għal 35 sena.
Irrimarkat li l-impjanti tal-enerġija li għandu pajjiżna bħalissa jsevuna għal 18-il sena.
Il-Ministru aċċennat fuq li pajjiżna jkun lest għall-użu t’enerġija ġġenerat mill-idroġenu, is-sors ġdid li jħammeġ ferm inqas mill-gass LNG.
Spjegat, “Ir-realtà hi li jekk ma jkollniex dan il-pipeline rridu noħorġu iżjed flus kull sena. Jiena nippreferi ninvesti f’hydro-ready pipeline li lill-pajjiż jaqilgħu mill-infrastruttura eżistenti u li jmexxi lil dan il-pajjiż ’il bogħod mill-fossil fuels għaliex jekk mhux se jsir se nibqgħu marbutin sfortunatament mal-fossil fuels meta għandna impenn mal-Green Deal Ewropew, meta għandna impenn niddekarbonizzaw l-ekonomija tagħna u pajjiż żgħir li huwa maqlugħ mill-kumplament tal-Unjoni Ewropea, għandu jkollu s-sorsi biex verament inkunu nistgħu nżidu enerġija alternattiva u enerġija nadifa.”