Malta għal darb oħra reġgħet ikklassifikat fl-ewwel post fl-indiċi interim ta’ ILGA-Europe għal protezzjoni u d-drittijiet umani ta’ persuni LGBTIQ.
L-indiċi jikklassifikaw disgħa u erbgħin pajjiż Ewropew skont il-liġijiet u l-politika li taffettwa l-persuni LGBTIQ u jieħdu kont ta’ bosta kriterji bħall-ugwaljanza, problemi fil-familja u l-libertà tal-espressjoni fost l-oħrajn.
Hawnhekk, Malta kisbet l-ewwel post b’punteġġ ta’ kważi 93.8%.
Id-distakk bejn Malta u d-Danimarka, li ġiet fit-tieni post, huwa notevoli hekk kif il-punteġġ għal dan il-pajjiż Skandinavu huwa ta’ 15% inqas minn pajjiżna.
Ir-rapport dwar Malta innota ukoll kif l-Uffiċċju tal-Istatistika Malti l-NSO għall-ewwel darba ħarġet ċifri dwar l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fl-aħħar ċensiment.
ILGA-Europe innotat ukoll l-intervent tal-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer, li fil-Parlament Ewropew ressaq riżoluzzjoni biex l-Ewropa tiddikjara lilha nfisha bħala ‘LGBTIQ Freedom Zone’.
Dan wara attakki fuq il-komunità LGBTIQ fl-Ungerija u fil-Polonja.
Dan ir-riżultat ferm pożittiv għal Malta wasal f’kuntest fejn f’bosta pajjiżi Ewropej żdiedet ir-retorika politika kontra l-komunità LGBTIQ kif ukoll esperjenzaw żieda f’każijiet ta’ diskors ta’ mibegħda fil-konfront ta’ nies LGBTIQ.