Malta qed turi kemm hi attraenti għall-investiment fid-Dubai Expo elfejn u għoxrin, li kienet ġiet posposta minħabba l-imxija.
Hawn pajjiżna qed jesebixxi s-setturi varji tiegħu, fosthom it-turiżmu, permezz tal-Padiljun Malti.
F’Dubai, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri tkellem ma’ bosta mistiedna distinti waqt il-ftuħ taċ-ċerimonja li mmarkat il-Malta Day, fejn ħeġġeġ lil dawk preżenti sabiex jaraw x’għandha toffri Malta għan-negozju tagħhom.
Huwa stqarr li din hija opportunità sabiex jissaħħu r-rabtiet bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda, u spjega lil dawk preżenti kif meta n-negozji f’Malta affaċjaw sfidi bla preċedent f’pajjiżna, dawn sabu l-għajnuna tal-Gvern, u b’hekk ġew salvati eluf ta’ impjiegi.
Stqarr ukoll fuq il-fatt li Malta għanda programm ta’ tilqim effiċjenti ħafna, u apparti minn hekk, il-ħidma tal-Gvern kienet utli sabiex Malta issa għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja tagħha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia spjega kif din ma kinitx biss opportunità għal negozji barranin biex jinvestu f’pajjiżna.
Qal, “Din kienet opportunità, kemm ta’ investiment u anke għall-kumpaniji Maltin li qed jiġu jesponu dak li jistgħu joffru lill-bqija tad-dinja”
Preżenti kien hemm ukoll bosta artisti Maltin, flimkien ma’ elementi tal-kultura Maltija.