“Is-sehem tagħna biex inħallu dinja aħjar għal uliedna ser nagħmluh b’konvinzjoni.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela fi Stqarrija Ministerjali fil-Parlament, li fiha l-Prim Ministru ta rendikont tas-sehem tiegħu fil-Konferenza COP26 fi Glasgow, l-Iskozja, il-ġimgħa l-oħra.
Il-Prim Ministru saħaq li biex tkun miġġielda din l-isfida, f’pajjiżna jrid ikollna mhux biss ir-rieda iżda wkoll l-iffinanzjar u t-teknoloġija neċessarja.
Qal kif fi żmien fejn qed nirkupraw mill-effetti tal-pandemija rridu naraw dinja li tqassam ir-riżorsi b’mod ekwu ma’ kulħadd.
Hawnhekk innota kif il-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-Fond Ambjentali tal-Ġnus Magħquda ser jitla’ għal €200,000.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif il-qalba għall-gass biex niġġeneraw l-enerġija tagħna, naqqset l-emmissjonijiet minn żmien meta pajjiżna kien juża l-aktar żejt li jħammeġ, il-heavy fuel oil.
Hawnhekk ikkuntrasta din id-deċiżjoni ma’ dik li kien ħa Gvern Nazzjonalista: “Bidel il-liġi biex seta’ jippermetti lil min ried illi jagħżel biex juża l-‘heavy fuel oil’ bħala dak li jiġġenera l-enerġija fil-pajjiż. U llum sur Kap tal-Oppożizzjoni diffiċli tgħid li dik kienet deċiżjoni ta’ dawk ta’ qabli għaliex lil min ħa dik id-deċiżjoni teknika int illum poġġejtu konsulent tiegħek u ħtartu fuq il-bord tal-awtorità għall-ambjent bħala rappreżentant tiegħek.”
It-Tlieta filgħaxija l-Prim Ministru qal li madankollu fadal iktar xi jsir u għalhekk huwa semma numru ta’ miżuri li qed jittieħdu.
Fost l-oħrajn semma l-investiment f’mezzi ġodda ta’ trasport u infrastruttura, u infrastruttura għall-elettrifikazzjoni tal-flotot ta’ vetturi tal-Gvern u anki tat-trasport pubbliku.
Il-Prim Ministru semma wkoll l-investiment ta’ nofs biljun ewro li qed isir f’impjant li jiġġenera l-enerġija mill-iskart. Investiment li wkoll jikkuntrasta ma’ deċiżjonijiet li kien ħa Gvern Nazzjonalista fil-passat: “Intom x’għamiltu meta ġejtu biex tieħdu din id-deċiżjoni? Flok mortu għal proġett ta’ inċeneratur kabbartu l-Magħtab. Taf b’kemm kabbartuha? B’150 tomna.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif qed jissaħħu l-inċentivi għax-xiri tal-karozzi elettriċi biex issa, dawk ta’ Malta huma l-aqwa fl-Ewropa.
Dan filwaqt li pajjiżna għandu wkoll inċentivi b’saħħithom għal min irid jinvesti fl-enerġija rinovabbli filwaqt li mis-sena d-dieħla ser jibda jingħata t-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd.
Hawnhekk ħabbar kif mill-Erbgħa l-karozzi tal-linja elettriċi f’Għawdex ser ikunu qed jibdew jidħlu fis-servizz tat-trasport pubbliku.“Hemm buses li jaħdmu bl-elettriku u jinsabu weqfin ġewwa l-gżira Għawdxija. Ninfurmak illi minn għada filgħodu dawn il-buses ser ikunu qed jiġu utilizzati.”
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid kif l-isfidi u l-piżijiet marbuta mal-isforzi kontra t-tibdil fil-klima mhux ser ikunu qed jintefgħu fuq in-nies.