Ix-xeni tal-ewwel persuna f’Malta tirċievi l-vaċċin għal kontra l-Covid-19 nisslu ottimiżmu mhux biss fl-aspett mediku iżda anki fl-aspett ekonomiku.
L-Ekonomista b’esperjenza twila, Roderick Psaila qal ma’ ONE News li l-vaċċin stimula wkoll l-ekonomija għaliex bdiet tonqos l-inċertezza u tkattret il-fiduċja tant bżonnjuża biex l-investitur jibda jerġa’ jitfa’ flusu.
Huwa qal: “Game changer bla dubju ħa ngħid hekk. Dan huwa litteralment a shot in the arm għall-ekonomija. Inti meta għandek investituri, jekk hemm xi ħaġa li fl-investiment, twarrab l-investiment, hija l-inċertezza.”
L-Ekonomista Roderick Psaila qal li ma nistgħux nelludu ruħna u naħsbu li l-isfidi ntemmu.
Huwa stqarr: “Ovvjament irridu nkunu realistiċi. Ma nistgħux naħsbu li din tfaqqa’ subgħajk u f’daqqa waħda l-ekonomija tiġi taħdem kif kienet taħdem qabel Marzu tal-2019. Jekk qed nitkellmu fuq ekonomija globali din ħa tieħu probabli sas-sena 2022 biex terġa’ tiġi topera kif kienet qabel l-2019. Però fuq ekonomiji individwali din hija storja differenti.”
F’kuntest li pajjiżna rnexxielu jniżżel il-qgħad għal taħt it-tlett elef ruħ u li għandna ekonomija li baqgħet reżiljenti, l-ekonomista saħaq ma’ dan l-istazzjon li pajjiżna għandu ekonomija aġli u li Malta tista’ tkun fost tal-ewwel li tirkupra miż-żmien kajman li ġabet il-pandemija.
Psaila sostna: “Kellna finanzi biżżejjed biex nixtru, għax dik tibda minn hemm. Dożi biżżejjed u anki aktar minn biżżejjed tal-vaċċin. Għandna popolazzjoni relattivament żgħira u għandna pjan kif fis-sitt xhur li ġejjin sebgħin fil-mija tan-nies ikunu diġà ġew imlaqqma. Dik l-ewwel waħda. It-tieni minħabba l-investiment li għamel il-Gvern, l-għajnuna li ta l-Gvern lill-intrapriżi biex dawn ma jkeċċux lin-nies u biex iżommu n-nies magħhom u allura dawk il-ħaddiema issa meta l-kummerċ jibda jiċċaqlaq dawn l-intrapriżi jistgħu jerġgħu jibdew jaħdmu.”
L-Ekonomista qal li l-għajnuna tal-Gvern ma tistax tieqaf u trid tkompli ssostni lin-negozji u lill-intrapriżi f’dan iż-żmien meta r-rota ekonomika se terġa’ tibda ddur b’aktar saħħa.
Psaila tenna: “L-iktar ħaġa importanti hija li kif nibdew nirkupraw, l-għajnuna tibqa’ hemmhekk. Il-Gvern jibqa’ jagħti l-għajnuna daqskemm qed jagħti bħalissa u iktar għax hemmhekk inti li ħa taċċellera l-proċess biex terġa’ tiġi lura għal li kont qed tikber.”
L-Ekonomista Roderick Psaila saħaq li l-Gvern għen bis-sħiħ lin-negozji biex żammew il-ħaddiema u dan fisser li pajjiżna jinsab lest biex jimraħ f’oqsma tant importanti u li juru li l-ekonomija diversifikata ta’ Malta tista’ tkompli tikber u tilħaq il-livelli bla preċedent li laħqet sa ftit qabel il-pandemija.