Pajjiżna jista’ jkun l-ewwel stat membru tal-Unjoni Ewropea li jdaħħal ir-Right to Disconnect għall-ħaddiema kollha.
Dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba, jumejn wara li ġie approvat dan id-dritt b’maġġoranza b’saħħitha fil-Parlament Ewropew.
Dan id-dritt ifisser li l-ħaddiema jkollhom id-dritt li li ma jweġibux għall-emails u messaġġi tax-xogħol, waqt il-ħin liberu tagħhom.
Agius Saliba qal li qabel l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Gvern Malti kien diġà qed jaħdem sabiex idaħħal dan id-dritt lill-ħaddiema kollha.
Huwa qal, “Diġà ħa l-inizjattiva qabel dan il-vot b’saħħtu illi nibdew id-diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali, sabiex il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikunu l-ewwel ħaddiema fl-Unjoni Ewropea li jgawdu minn dan id-dritt fundamentali u fl-aħħar mill-aħħar nipproteġu s-saħħa fiżika, is-saħħa mentali tagħhom u nerġgħu nagħtuhom id-dritt sħiħ illi l-ħin tal-mistrieħ tagħhom, il-bilanċ bejn il-ħin tax-xogħol tagħhom insaħħuh.”
Il-pass li jmiss huwa li r-rapport imur quddiem il-Kummissjoni Ewropea, biex dan id-dritt fundamentali tal-ħaddiem ikun diskuss mal-imsieħba soċjali.
Il-General Workers’ Union u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, u saħqu li dan id-dritt huwa kruċjali għall-ħaddiema kollha. Hawn saħqu wkoll fuq il-bilanċ fil-ħin bejn il-ħajja privata u x-xogħol.
Huma nnotaw ukoll statistika tal-NSO li turi ċar kif is-sena li għaddiet, kważi nofs il-ħaddiema Maltin qalu li jiġu kkuntattjati fuq kwistjonijiet ta’ xogħol anke wara l-ħin.