Illum pajjiżna jimmarka l-festa tal-Indipendenza. Dan il-jum ifakkar il-kisba tal-indipendenza tal-gżejjer Maltin mir-Renju Unit nhar il-21 ta’ Settembru 1964, ċioe 59 sena ilu.
Mument li anke qarreb pass ieħor ’il quddiem biex pajjiżna seta’ jikseb il-Ħelsien fl-1979.
Mat-tokki tad-disgħa ta’ filgħodu, f’jum imsaħħab, il-Gwardja tal-Unur u l-Banda tal-Forzi Armati immarkaw din l-okkażjoni f’Misraħ San Ġwann, fil-preżenza tal-President ta’ Malta Dr George Vella.
Huma taw is-salut nazzjonali, filwaqt li l-President spezzjona l-Gwardja tal-Unur.
Fl-okkażjoni tat-59 anniversarju ta’ Malta Indipendenti, saret ukoll il-Quddiesa Pontifikali fil-Kon-Katridral ta’ San Ġwann, bil-kant tat-Te Deum, iċċelebrata mill-Arċisqof il-Monsinjur Charles J. Scicluna.
Għal din il-Quddiesa attenda l-President ta’ Malta Dr George Vella flimkien mas-Sinjura tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici f’isem il-Gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni, flimkien ma’ numru ta’ Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra u mistiedna distinti oħra.
Il-Prim Ministru Robert Abela bħalissa jinsab barra minn Malta fuq impenji tal-Gvern.
Segwiet imbagħad iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-fjuri fuq il-monument tal-Indipendenza fil-Furjana.
Bil-bnadar Maltin iperpru fl-isfond, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż poġġew bukketti tal-fjuri fuq il-monument.
Filwaqt li ċ-ċerimonja ntemmet bil-kant tal-innu Malti, kien hawn li l-Armata tat salut b’21 tir sparati mill-kanuni.