Malta saret iżjed interessanti għall-investiment dirett barrani skont l-aħħar stħarriġ ta’ Ernst & Young.
Waqt il-konferenza tal-EY f’Dar il-Mediterran ġew ippreżentati r-riżultati li fost investituri u Kapijiet Eżekuttivi fost oħrajn ta’ kumpaniji li jinvestu f’pajjiżna.
Minn dan l-istudju ħareġ li fuq is-sena l-oħra, Malta żiedet l-interess fiha għall-investiment u fil-fatt ir-rata issa telgħet għal 59%.
Iktar min-nofs l-investituri, jiġifieri 56% iħossu li jew Malta hi daqs l-Ewropa jew saħansitra iżjed attraenti għall-investiment minħabba fatturi teknoloġiċi.
Ġie nnutat li bosta kumpaniji qed iżidu l-investiment fit-taħriġ u fit-titjib tal-ħiliet fil-ħaddiema filwaqt li dak li kien bħala ta’ tħassib għal min iħaddem, jiġifieri n-nuqqas ta’ ħiliet, naqas kif juri dan l-istħarriġ meta mqabbel ma’ sena qabel.
Fil-fatt maż-żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu f’dan l-istħarriġ wieġbu li r-rata ta’ ħiliet f’pajjiżna hi favorevoli biex tinvesti f’Malta.
L-inflazzjoni tibqa’ l-akbar impatt għall-investituri iżda mat-tliet kwarti minnhom iħossu li f’pajjiżna ma kien hemm l-ebda bidla hekk kif baqa’ jkun hawn l-istabbiltà.
Dan partikolarment sar fl-issussidjar fil-prezzijiet tal-enerġija li wassal għal prezzijiet stabbli fil-kontijiet anki għall-investituri li joperaw f’Malta.
Aktar minn żewġ terzi tal-investituri f’pajjiżna wieġbu li sa għaxar snin oħra jibqgħu jaraw lilhom infushom jinvestu f’Malta.
L-investituri li wieġbu fis-sondaġġ tal-EY qalu li l-oqsma tat-turiżmu, il-gaming u l-intelliġenza artifiċjali huma tliet setturi li mistennija jesperjenzaw tkabbir fil-ħames snin li ġejjin.
Fil-fatt bosta investituri wieġbu li qed iħarsu biex jinvestu iktar fl-intelliġenza artifiċjali, settur emerġenti.
Is-sostenibbiltà hija aspett importanti għall-investitur, b’aktar min-nofs l-investituri daħħlu fl-istrateġija operattiva tagħhom, prinċipji ambjentali fost oħrajn.