Fis-sena li timmarka l-ħmistax-il anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva lil pajjiżna bħala punt ta’ referenza biex ilaqqa’ pajjiżi flimkien ħalli taħt l-istess saqaf jiddiskutu u joħorġu b’soluzzjonijiet.
Huwa qal dan waqt laqgħa ta’ livell għoli bejn ħamsa u għoxrin pajjiż Għarbi u Ewropew li qed issir għall-ewwel darba fl-istorja biex f’pajjiżna jiddiskutu l-bżonnijiet u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Filwaqt li tenna l-bżonn li bħala pajjiż irridu nkunu iżjed ambizzjużi, il-Prim Ministru qal li fl-aħħar snin sar ħafna xogħol biex ikun sfruttat il-potenzjal tal-persuni b’diżabilità – fosthom id-dħul ta’ liġi li titlob lil min jimpjega biex tnejn fil-mija tal-impjegati jkunu persuni b’diżabilità, u l-ftuħ ta’ residenzi li jgħinu fl-inklużjoni.
Qal li ltaqa’ ma’ persuni li qatt ma kienu joħolmu li jkollhom impjieg, u li llum qed jibnu karriera ta’ suċċess għalihom u għal qrabathom.
Ir-rappreżentanta mill-Kummissjoni Soċjali u Ekonomika tal-Ġnus Magħquda, Gisela Nauk, qalet li Malta hija esperta ideali f’dan il-qasam biex tmexxi konferenzi, fora, u workshops fuq dan il-qasam.
“Malta is the connecting point between the EU and Arab countries so why not bring everyone togetehr here. I am so happy that this idea has materialized in such a comperhensive way,” qalet Nauk.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis wera sodisfazzjon għall-mod kif pajjiżna organizza laqgħat fuq livell internazzjonali bħal dan biex is-soċjetajiet mondjali jsiru dejjem aktar ġusti ma’ kulħadd.
“Issa ħloqna dan il-forum biex nassiguraw li jkun hemm kollaborazzjoni biex nitgħallmu minn xulxin, narae x’qed nagħmlu, ma naħdmux kollha mar-riħ u nkissru l-barrikati biex kulħadd jiżviluppa l-abbiltajiet tiegħu biex nimxu ‘l quddiem,” spjega Agius Decelis.