Hekk kif minn nhar il-Ġimgħa li ġej se terġa’ tibda ddur ir-rota għas-sidien tar-ristoranti u l-lukandiera, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli saħqet li pajjiżna huwa destinazzjoni sigura.
Il-Ministru Farrugia Portelli stqarret: “L-akbar branding li se jkollha Malta hija li destinazzjoni safe. Konna konsistenti f’dan il-messaġġ li tajna u l-mod kif imxejna f’dan l-aħħar xahrejn u issa dħalna fil-fażi li jmiss. Il-protokolli ċari li għamilna għall-industrija huma mill-iktar siguri, imfassla mal-awtoritajiet tas-saħħa u kunfidenti li nhar il-Ġimgħa l-poplu Malti jista’ jidħol fil-pass li jmiss għall-ħajja normali tiegħu.”
Wara li f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, it-Tnejn filgħaxija tħabbru aktar tnaqqis fir-restrizzjonijiet, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħabbru protokolli ġodda għal kif se joperaw l-istabbilimenti u l-postijiet.
It-Tlieta filgħodu l-Ministru Farrugia Portelli u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg, intqal li jekk l-operaturi tal-istabbilimenti huma f’qagħda li jibdew joperaw minn nhar il-Ġimgħa, se jkunu mitluba jagħmlu kuntatt mal-Awtorità fuq il-helpline 21692447.
Dan sabiex issir spezzjoni fuq il-post sabiex tingħata ċertifikazzjoni li l-post huwa sigur, skont il-protokolli apposta li nediet l-Awtorità. Din iċ-ċertifikazzjoni se titwaħħal mal-bieb tal-istabbiliment sabiex il-konsumatur ikollu moħħu mistrieh li l-post huwa sigur.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli semmiet li l-ispezzjonijiet se jsiru f’ħinijiet differenti mid-dipartiment tal-infurzar tal-MTA u mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Il-protokolli għar-ristoranti jinkludi limitu fuq in-numru ta’ persuni f’kull stabbiliment, distanza ta’ żewġ metri bejn kull mejda u oħra, ħaddiema li jilbsu materjal protettiv bħal visors u maskri u l-użu ta’ menus u pożati li jintużaw darba biss.
Fil-protokolli hemm ċar ukoll li s-servizz ta’ ikel buffett mhux permess li jiġi servut fl-ebda ħin filwaqt li l-kċejjen għandhom jagħlqu mal-ħdax ta’ bil-lejl.
Dan apparti li t-tipjip mhux se jkun permess la barra u fir-ristorant.
Dwar il-pixxini ntqal li dawn ma jistgħux jilqgħu iżjed minn nofs il-kapaċità massima filwaqt li hemm limitu fuq kemm-il persuna jistgħu jużaw il-faċilitajiet sanitarji fl-istess ħin.
Fuq il-bajjiet, tneħħa l-użu tax-showers u l-latrini mobbli.
Farrugia Portelli qalet li hekk kif qed joqrob is-sajf, kulħadd se jkollu l-opportunità li jieħu waqfa żgħira ta’ mistrieħ.
Min-naħa tiegħu is-Sur Buttigieg wissa li dawk l-operaturi li jonqsu milli josservaw dawn ir-regolamenti, se jsibu lill-Awtorità li se tkun qed tinforza l-miżuri ta’ protezzjoni u l-protokolli.
Huwa spjega: “Se nkunu qegħdin nedukaw lill-operaturi biex nagħtu l-assigurazzjoni u serħan il-moħħ li ċ-ċittadini fejn ikunu qegħdin li fl-iktar post sigur jistgħu jentertainjaw lilhom u l-maħbubin tagħhom u f’każ li jkun hemm bżonn se tkun qed tieħu passi kontra dawk l-istabbilimenti li b’xi mod ma jkunux qegħdin jimxu ma’ dawn il-protokolli inkluż l-irtirar u għeluq ta’ dawn il-postijiet.”
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/05/19/xmizuri-ta-sigurta-se-jittiehdu-fir-ristoranti-u-l-lukandi-u-stabbilimenti-ohra-1/