Il-fatt li pajjiżna kellu tkabbir ekonomiku t-triplu tal-medja ewropea huwa xhieda ta’ kemm pajjiżna ra qalba pożittiva fis-settur ekonomiku. Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona, l-għada li ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-istatistika juru kif fl-ewwel nofs tas-sena ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku laħqet l-4.7%.
Il-Ministru Cardona spjega kif it-tkabbir ekonomiku kien xprunat minn żieda qawwija fil-konsum privat li wassal għal tkabbir sostanzjali fid-dħul tal-ħaddiema.
Il-Ministru Cardona stqarr li “ Kellna tkabbir ekonomiku b’saħħtu illi kien xprunat minn żieda qawwija fil-konsum privat u anke l-andament pożittiv tan-negozji li ser iwassal għal livelli ta’ investiment bla preċedent li se jservi bħala l-bażi tat-tkabbir futur tal-ekonomija Maltija”.
Fil-fatt fl-ewwel nofs tas-sena il-pagi f’pajjiżna raw żieda ta’ 140 miljun ewro mis-sena ta’ qabel. Dan filwaqt li l-andament pożittiv tan-negozju f’pajjiżna wkoll kien fattur importanti għal dan it-tkabbir ekonomiku. Dan hekk kif il-profitti raw żieda ta’ 9.5%.