“Pajjiżna għandu sena tajba quddiemu.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’diskors li għamel fl-ewwel attivita politika tal-Partit Laburista għal din is-sena, bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’ u li ttellgħet fit-Teatru Orpehum fil-Gżira.
Quddiem folla sabiħa, il-Prim Ministru tkellem dwar il-prijoritajiet ta’ ħidma u d-deċiżjonijiet biex fi-xhur li ġejjin Malta tibqa’ mixja ‘l quddiem. Dan filwaqt li spjega kif qiegħed u se jkompli jitwettaq programm ta’ ħidma li jibni fuq il-ħafna tajjeb li kien diġa’ għamel il-Partit Laburista fil-Gvern, bil-bidliet li għamilna sa mill-ewwel ġurnata, għaliex “qatt ma ġibna ruħna daqslikieku m’għadx baqa’ xi jsir. Programm li jġib ċerti bidliet meħtieġa filwaqt li jindirizza prijoritajiet ġodda.”
Fl-istess ġimgħa li fiha se jiċċelebra l-erba’ snin anniversarju minn meta ġie elett Mexxej tal-Partit Laburista u wara Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela fil-Gżira rrimarka li l-Gvern Laburista temm is-sena 2023 billi fost oħrajn ta l-ogħla children’s allowance fl-istorja u li fiha tħallas mekkaniżmu kontra l-għoli tal-ħajja lid-doppju tan-nies.
Saħaq li għaliex dan hu l-gvern li jemmen fin-nies, is-sena l-ġdida se jibdiha: bl-ikbar żieda fil-Paga Minima fl-istorja; bl-ikbar żieda fil-pensjonijiet; bl-ikbar żieda li qatt ingħatat lir-romol; b’żieda oħra fil-benefiċċju tal-kera u b’żieda oħra fl-iskema Carer at Home.
F’diskors ta’ Mexxej li għandu viżjoni għal pajjiżna, Dr. Abela qal li “kekk erba’ snin ilu ġejt quddiemkom mimli ħeġġa għax emmint li l-pajjiż kellu bżonn Partit Laburista b’saħħtu, illum dik il-ħeġġa hi ikbar. Għax naf li flimkien nistgħu nibqgħu nġibu bidliet pożittivi għall-Għawdxin u għall-Maltin.”
Fosthom dawk li se jwasslu għar-riġenerazzjoni sħiħa fil-Port il-Kbir, riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, ippjanar iktar intelliġenti flimkien ma’ proġetti ambjentali sbieħ u inizjattivi ġodda biex inħarsu l-konsumatur u nkomplu niġġieldu l-għoli tal-ħajja. Prijoritajiet li jixhdu li l-Partit Laburista kien u għadu l-unika għodda li għandu l-poplu sabiex pajjiżna jkompli sejjer fit-triq tar-riformi u s-suċċessi.
Huwa għalhekk, li l-Prim Ministru sostna li dan hu pajjiż b’ġejjieni sabiħ quddiemu iżda li quddiemu għandu aktar sfidi x’jindirizza. Huwa għalhekk, li l-Partit Laburista fil-Gvern għandu programm ta’ ħidma b’saħħtu.
“Kien għalhekk li meta ġejt tlabtkom l-ewwel mandat tiegħi inqas minn sentejn ilu, ġejt nitkellem fuq elf proposta ġdida. Għax l-istatus quo la kien u qas qatt se jkun għażla,” qal il-Prim Ministru.
Fl-isfond tal-isfidi internazzjonali li qed tgħix id-dinja, il-Prim Ministru offra s-serħan il-moħħ bi Gvern, li kif anke wera matul is-sena li għaddiet, dawk l-isfidi jirnexxielu mhux biss jgħelibhom iżda joħroġ l-aqwa opportunitajiet. Fosthom billi jipprovdi stabbiltà, fuq quddiem nett fil-prezzijiet tal-enerġija.
Il-Prim Ministru sostna li quddiem it-tfixkil u l-biża’ li qed tipprova tiżra l-Oppożizzjoni, il-familji Għawdxin u Maltin għandhom iserrħu rashom li se jkun hemm Partit Laburista u Gvern li jiddefendi l-interess ta’ Malta. Iżda, dan irid isir flimkien maċ-ċittadini.
“Iżda, hawn l-istedina hija lilkom kollha li dejjem emmintu f’dan il-pajjiż. Fix-xhur li ġejjin hemm għażla: hux se nagħtu r-riħ lil min iġib il-Partit qabel il-pajjiż, jew hux se nerġgħu nkunu aħna li nuru l-ispirtu ta’ Team Malta. Fejn naħdmu għal Malta, kull fejn inkunu ma’ kull min inkunu. Magħqudin għandna s-saħħa li nwaqqfu l-attakki tagħhom fuq pajjiżna, fl-istess ħin inwettqu l-aktar programm elettorali ambizzjuż li qatt ħareġ bih moviment politiku.”
Huwa kkonkluda li filwaqt li għandna sena ta’ ħidma kbira quddiemna u li żgur li l-isfidi matula mhux se jonqsu “konvint li flimkien se jirnexxielna. Għax nemmnu f’Malta Ġusta. Flimkien Insaħħu Malta Tagħna.”
Ara wkoll: