Malta għandha l-orħos prezz tal-petrol u d-diesel fiż-Żona Ewro.
Il-prezz tad-diesel f’Malta ilu l-orħos fiż-Żona Ewro sa minn qabel tħabbar il-Budget għal din is-sena, iżda fl-aħħar bullettin tal-Kummissjoni Ewropea marbut maż-żjut, sar magħruf ukoll li issa Malta għandha l-irħas prezz tal-petrol fiż-Żona Ewro.
Minn analiżi taċ-ċifri miġbura mill-Kummissjoni Ewropea, il-prezz tal-fjuwil f’pajjiżna huwa orħos minn dak li kien qabel pandemija.
Il-prezz tal-petrol f’Malta huwa ta’ €1.34 għal kull litru filwaqt li dak tad-diesel huwa ta’ €1.21 għal kull litru.
Ċipru għandu t-tieni l-irħas prezz tal-petrol fiż-Żona Ewro, b’erba’ ċenteżmi iżjed għal kull litru minn dak ta’ Malta filwaqt li t-tieni l-orħos prezz tad-diesel fiż-Żona Ewro huwa dak tal-Latvja, b’għoxrin ċenteżmu iżjed għal kull litru minn dak ta’ Malta.
Jirriżulta li l-prezz tal-petrol fl-Olanda huwa ta’ kważi sebgħin ċenteżmu iżjed ogħla għal kull litru minn dak li jħallsu għalih is-sewwieqa f’Malta filwaqt li l-Finlandiżi jħallsu tnejn u sittin ċenteżmu iżjed għal kull litru ta’ diesel minn dak li jħallsu l-Maltin.
Il-prezz tal-petrol u tad-diesel f’Malta kien raħas b’seba’ ċenteżmi waqt pandemija u meta l-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika.
F’Novembru li għadda l-Gvern naqqas it-taxxa fuq il-fjuwils biex ma jiżdidux il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel mill-pompi.
Dan fid-dawl ta’ żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt.
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kien spjega li l-iffrankar tat-taxxa fuq il-familji Maltin u Għawdxin se jiswa lill-Gvern żewġ miljun u nofs ewro fix-xahar.
Kien saħaq li din il-miżura qed tgħin fl-irkupru tal-pajjiż għaliex b’hekk mhux jingħataw xokkijiet fl-attività ekonomika bħal f’pajjiżi oħra, fejn l-prezzijiet tal-fjuwil għolew b’medja ta’ aktar minn għoxrin fil-mija.
Il-Gvern raħħas ir-rata ta’ dazju fuq il-fjuwil għal minimu possibbli mill-Kummissjoni Ewropea.