It-tobba tal-familja se jkunu jistgħu jagħtu t-tilqima tal-MMR li tinkludi dik tal-ħosba.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa meta mistoqsi dwar il-każijiet tal-ħosba f’pajjiżna.
Il-Ministru Fearne stqarr li “Dan ħa nagħmluh fil-ġimgħat li ġejjin billi dak it-tilqim li sa issa kien jingħata biss mingħajr ħlas fiċ-ċentri tas-saħħa, issa t-tobba se jkunu jistgħu jiġbru dak it-tilqim mingħajr ħlas huma biex b’hekk jista’ jingħata fil-komunità mit-tobba tal-familja ħalli nkomplu nżidu kemm jista’ jkun ir-rata tat-tfal mlaqqmin ġewwa pajjiżna.”
Id-Deputat Prim Ministru rrimarka li meta mqabblin ma’ pajjiżi Ewropej, Malta għandha rata għolja ta’ tilqim ta’ aktar minn ħamsa u 95%.
Huwa aċċenna biex it-tfal jitlaqqmu anki jekk fl-aħħar snin daħlet idea li sejħilha skoretta biex it-tfal ma jitlaqqmux. Dan wara studju skorrett li kien sar fl-1998 minn Dr Andrew Wakefield li kien irrapporta li hemm rabta bejn it-tilqima tal-MMR u l-awtiżmu. Iżda l-awtoritajiet tas-saħħa jisħqu li dan mhux minnu.
It-tilqima għal kontra l-ħosba, tingħata lil trabi ta’ 13-il xahar.
Din is-sena mardu bil-ħosba żewġ t’itrabi taħt din l-età u b’hekk ma kinux imlaqqma.
Għalkemm iż-żieda fil-każijiet tal-ħosba li tista’ tkun fatali, l-awtoritajiet tas-saħħa jisħqu li din ma kinitx żieda allarmanti.
Minkejja dan huma saħqu favur il-prekawżjonijiet meħtieġa.
L-ewwel sintomi tal-ħosba huma deni għoli, għajnejn ħomor, sogħla u raxx li jibda l-ewwel fis-saqaf tal-ħalq u jibqa’ nieżel mal-ġisem kollu.