“Illum għandna l-opportunità li b’mod matur inservu ta’ eżempju għall-poplu Malti u Għawdxi.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif fetaħ diskussjoni parlamentari wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif l-inkjesta pubblika sostniet li l-istat ma kellux irwol fl-assassinju tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia madankollu l-Prim Ministru tenna l-apoloġija u sostna kif il-piż ta’ dan irid jerfgħu hu f’isem il-Gvern u l-Istat.
Huwa stqarr: “Illum għandi l-privileġġ li nirrappreżenta lil dan il-poplu bħala Prim Ministru iżda lill-poplu ngħidlu li l-piż ta’ din l-apoloġija nerfgħu jien bħala Kap tal-Gvern u f’isem l-istat għax mhumiex il-familji Maltin u Għawdxin li jridu jerfgħuh dan il-piż, għax m’hemm dubju li dan il-qtil ma jirriflettix lilhom.”
Il-Prim Ministru sostna kif ix-xogħol biex dan l-episodju ikrah ma jerġax isir, ilu li beda, bil-proċess ta’ riformi massiċċ li embarka fuqu l-Gvern.
Irrimarka kif dan kollu kien saħansitra jeħtieġ bidla fil-kultura madankollu r-rieda b’saħħitha wasslet sabiex dan jibda jsir.
Dr Abela tenna: “Nazzarda ngħid li l-mod kif jiffunzjona l-istat illum qas jintgħaraf minn kif kien jaħdem f’Jannar tal-2020 u fis-snin kbar ta’ qabel. Dak l-istat li l-inkjesta timmarka n-nuqqasijiet tiegħu llum jaħdem b’mod totalment differenti.”
Fil-fatt, il-Prim Ministru fakkar fil-bidliet li diġà saru sabiex is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba f’pajjiżna jiġu msaħħa.
Fost dawn kien hemm il-bidla fil-ħatra tal-ġudikanti f’pajjiżna u l-bidla fil-proċess tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Proċess li l-Oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax fih.
Dr Abela fakkar ukoll fil-bidla tal-irwol tal-Avukat Ġenerali u r-riżorsi kbar li ngħatat il-ġudikatura.
Riformi li nħadmu id f’id mal-Kummissjoni Venezja.
Madankollu quddiem dawn il-bidliet Dr Abela tenna d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta’ qbil mal-Oppożizzjoni dwar isem għal Ombudsman erba’ xhur wara li skada t-terminu.
Il-Prim Ministru sostna kif dawn il-bidliet mhux se jġibu lura lil Daphne Caruana Galizia għalhekk kemm bżonn tkompli ssir ġustizzja.
Huwa saħaq: “Dan l-istess prinċipju issa jrid jiggwidana fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapport tal-inkjesta pubblika. Sur President dawn huma riforma konkreti li mhumiex faċli twettaqhom għax tkun qed tgħeżżeż kultura ta’ snin imma hawn aħna wettaqniehom u se nibqgħu nwettquhom għax m’aħniex komdi fl-istatus quo.”
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif fl-aħħar xhur kien hemm żblokk u ssolvew każijiet serji li wħud minnhom kienu ilhom ma jissemmew snin.
Tenna kif f’dan il-pajjiż immexxi minnu ma hemm impunità għal ħadd.
Dwar il-ġurnaliżmu l-Prim Ministru tenna li dan ix-xogħol jinstiga l-bidla u għalhekk tenna l-bżonn li dan is-settur isib l-appoġġ biex jgħix.
Fil-fatt ħabbar li l-ewwel rakkomandazzjonijiet mill-inkjesta li se jiġu implimentati huma li jsaħħu l-qasam l-ġurnalistiku f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru sostna: “Irrid nenfasizza l-bżonn li nidħlu għal dan il-pakkett ta’ riformi b’mod miftuħ mal-imsieħba relevanti kollha u l-istakeholders kollha rilevanti. Li hu żgur hu li l-ġurnaliżmu jrid isib l-appoġġ meħtieġ biex jgħix.”
Tul id-diskors tiegħu l-Prim Ministru tkellem ukoll fuq in-negozji hekk kif tenna li l-maġġoranza assoluta minnhom huma leġittimi u josservaw il-liġijiet.
Huwa tenna: “Ngħidilhom minn hawn li se jibqgħu jsibu mingħand dan il-Gvern kull appoġġ li għandhom bżonn biex jibqgħu joħolqu l-ġid. Fuq kollox ir-riformi li qed nagħmlu se jwasslu biex huma stess igawdu mill-fatt li jaħdmu f’ġurisdizzjoni aktar rispettata u hekk isaħħu l-kompettività tagħhom.”
Finalment il-Prim Ministru appella għall-għaqda: “Jien Prim Ministru ġdid, Mexxej ta’ amministrazzjoni ġdida, ta’ pajjiż li jrid jimxi ’l quddiem u nagħżel li nibqa’ noffri għażla pożittiva lin-nies biex dan il-pajjiż ma jinsiex jitgħallem mill-iżbalji tiegħu stess imma jibqa’ miexi ‘l quddiem b’onestà miegħu nnifsu u mal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”