Il-Prodott Gross Domestiku tar-Renju Unit, fost is-seba’ l-akbar ekonomiji fid-dinja tal-G7, se jkun mal-aktar dgħajfin matul l-erba’ snin li ġejjin, wara dawk tal-Istati Uniti, il-Ġappun, l-Italja u l-Ġermanja, skont analisti Britanniċi.
Stħarriġ li għamel iċ-Ċentru għall-Ekonomija u r-Riċerka fir-Renju Unit jindika li, f’termini finanzjarji, il-ġid tar-Renju Unit mistenni jibqa’ staġnat fit-22 post sal-2029 u, ras għal ras, se jispiċċa saħansitra jinqabeż anke mill-ekonomija ta’ Malta, li għadha għaddejja b’saħħitha.
Għadd ta’ ekonomisti qed iwissu lit-tmexxija tal-Prim Ministru Keir Starmer biex iħares lejn ekonomiji, bħal dik f’pajjiżna, bħala eżempju kif għandu jmexxi.
Sa mill-kisba tal-poter fl-aħħar xhur, Starmer wissa li l-ekonomija Britannika tinsab f’ħofra fonda, frott l-amministrazzjonijiet ħżiena tal-Partit Konservattiv, u li kienu se jiġu żminijiet diffiċli, kif wera anke bil-baġit li ġie ppreżentat għas-sena d-dieħla.
Il-Mexxej Laburista Britanniku qed jipprova jgħolli l-livell tal-għajxien fil-pajjiż, madankollu ċifri riċenti juru li s-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar. Starmer stess ammetta li n-nies iridu jagħtu ftit taż-żmien qabel is-sitwazzjoni titranġa, għax il-Gvern ma setax jirranġa kollox sal-Milied.
Qed jiġi mbassar li, sa erbatax-il sena oħra, il-Prodott Gross Domestiku tar-Renju Unit għal kull ċittadin mistenni jkun ta’ madwar tmienja u sittin elf Sterlina. Madankollu, dan hu qrib il-ġid li tipproduċi l-Guyana fl-Amerika t’Isfel.
Ekonomista f’Londra jisħqu li dawn iċ-ċifri juru li r-Renju Unit qed jirriskja li jaqa’ lura fit-tellieqa ekonomika globali.