Skont il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, pajjiżna għandu bżonn il-mediċina.
Dan qalu waqt rally tal-Partit Nazzjonalista l-Ħadd waranofsinhar fin-Naxxar fejn qabbel il-viżjoni tiegħu bħala l-mediċina għal dan il-pajjiż.
Qal, “Il-viżjoni li se tkun il-mediċina li għandu bżonn pajjiżna.”
Hawn Grech kompla mal-messaġġ li tiegħu biss tajjeb u sostna li l-Partit Nazzjonalista biss għandu viżjoni għal Malta, minkejja l-ħemel ta’ proposti costed li ħabbar il-Partit Laburista fl-aħħar jiem.
Qal, “L-unika viżjoni li għandu dan il-pajjiż quddiemu.”
Bernard Grech kellu jirreferi wkoll għall-mistoqsijiet kbar li qamu dwar il-manifest elettorali tiegħu, b’wegħdi doppji kelma b’kelma.
Qal, “Għamilna programm li qed jiżviluppa ma’ kull jum li jgħaddi biex inkomplu ntejbuh.”
Huwa kompla jipprova jġaħġaħha f’diskors li suppost kellu jgħid x’se jagħmel għal pajjiżna.
Qal, “Imbilli għandna xi typos fil-programm elettorali.”
Intant Bernard Grech għamel kważi siegħa b’diskors diviżiv u negattiv.
Spiċċa jinfexx f’tgħajjir fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela.
Qal, “Qata’ qalbu quddiem id-diffikultajiet.”
Għal darba oħra kompla jkun ankrat fil-passat u wara li fuq ir-radju, is-Sibt qal li l-Partit Nazzjonalista fega lil Malta bil-ġid, fin-Naxxar qal hekk.
Qal, “Ħarsu lejn il-ġid kollu li għamlu gvernijiet Nazzjonalista. Inti llum għadek taqla’ x’tiekol bis-saħħa tal-ġid li ħoloq Partit Nazzjonalista.”
U t-tgħajjir u l-isteriżmu fil-konfront tal-Partit Laburista ma waqafx.
Qal, “U sadattant, sakemm jibqgħu fil-baħħ… fejn aħna għandna viżjoni ċara u programm elettorali b’saħħtu, in-naħa l-oħra hemm il-baħħ”.