“Pajjiżna għamel trasformazzjoni kbira fl-aħħar seba’ snin. Trasformazzjoni li minn pajjiż li kien qalbu maqtugħa, kellu djun kbar, kien jagħmel deficits, kellu nies jirreġistraw għax-xogħol, ġibna pajjiż li verament trasformajnih għall-aħjar. Għamilna dan kollu għax ittrasformajna lill-Partit Laburista ħdax -il sena ilu minn partit li diġa’ kellu sisien sodi… Inkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li għandna u għamilna u nbiddlu fejn saru l-iżbalji.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista f’kollegament telefoniku fuq ONE radio filwaqt li qal li “din hija ġimgħa importanti ħafna fejn il-Partit Laburista ħa jagħżel li jibqa’ miexi ‘l quddiem. Jien moħħi mistrieħ għax naf illi ż-żewġ kontendenti, kemm Robert kif ukoll Chris għandhom f’moħħhom li jibqgħu jmexxu lil pajjiż ‘il quddiem.”
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal kif il-Prim Ministru saħaq l-importanza li dawk “intitolati għall-vot ikunu qed jivvutaw nhar is-sibt li ġej, kif ħa nagħmel jien, kif ħa tagħmel marti, kif ħa nagħmlu lkoll kemm aħna biex dan il-moviment ikompli miexi ‘l quddiem.”
Il-Partit Laburista qal kif Muscat esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-maġġoranza assoluta li wrew fiduċja fih wara stħarriġ xjentifiku li ġie ppublikat illum stess. “Dak li nagħmlu, l-ikbar sodisfazzjon tiegħi hu u għandu jkun li dan l-esperiment soċjali u ekonomiku li għamilna flimkien ma jispiċċax miegħi għax ma kienx a one man show imma jkompli miexi ‘l quddiem fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Għandi konvinzjoni kbira li dan isir.”
L-istqarrija tal-Partit Laburista żiedet tgħid li ftit jiem qabel jagħmel l-aħħar diskors tiegħu fil-Padiljun ta’ Kordin, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat appella għas-serenita’u l-għaqda li huma fundamentali għat triq ‘il quddiem.
Intant, il-Prim Ministru spjega kif il-poplu Malti u Għawdxi seta’ kellu kull skuża fid-dinja biex jabbanduna lill-Partit Laburista f’dawn l-aħħar ġimgħat. “Forsi jkun hemm min to jump ship u hemmhekk tinduna li qalbu dak li jkun mhux in the right place imma jkun qed ixomm mod ieħor… Il-verita’ hija li l-maġġoranza kbira tal-Maltin u l-Għawdxin baqgħu mal-Partit Laburista. L-ewwelnett għax jaraw li l-Partit Laburista u dan il-Gvern l-aħjar għażla. It-tieni nett għax in-nies ma jiġġudikawx fuq ħaġa waħda, fuq ġimgħa waħda imma jiġġudikaw fuq perjodu ta’ żmien. Huma sodisfatti b’dak li għamel dan il-gvern. It-tielet ħaġa mhemmx alternattiva u fuq kollox jafu li dak li qegħdin nagħmlu ħa jkompli miexi ‘l quddiem.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-għan ewlieni tiegħu issa hu li “nkun wara l-mexxej, wara l-leader biex ngħin fejn hemm bżonn u nwarrab fejn hemm bżonn biex inkomplu mexjin ‘il quddiem.”