Minn eta’ żgħira Sabrina dejjem kienet tinteressa ruħha f’attivitajiet bħal żfin u ġiri. Iżda kien sentejn ilu li evolviet Train Insane Malta. Pass li ppermettielha tmur saħansittra New York biex tingħata ċertifikazzjoni. Ottubru ta’ sentejn ilu mmarka l-ewwel sehem tagħha f’kompetizzjoni tal-bodybuilding, bl-għajnuna tal-kowċ tagħha. Illum-il ġurnata Sabrina hija kompetittriċi professjonali internazzjonali u bi kburija tgħidilna li rebħet kampjonati Ewropej fil-kategoriji ta’ ‘fitness’ u ‘bikini’.
Sabrina tħarreġ membri li għandhom kull tip ta’ piż u eta’ – min ikollu għaxar snin u oħrajn jaqbżu l-ħamsin sena. Jagħmlu training magħha ssib nisa tad-dar, atleti u anke suldati. Ilkoll titkellem dwarhom daqs li kieku kienu membri tal-familja tagħha. Tgħid li l-ikbar sfida hija bejn l-individwu u hu nnifsu. Hija kwistjoni ta’ kemm dak li jkun kapaċi jagħti l-massimu tiegħu nnifsu.
Lil dawk li ma jħossuhomx xi stat eċċellenti ta’ fitness, Sabrina tagħtihom dan il-parir.
“Qatt m’hu tard wisq. Ilum hawn ħafna sports u fitness activities li tista’ tagħmel . Kulħadd għandu jsib xi ħaga li togħġbu. Jekk timxi, tiġri, tiżfen, terfa’ l-ħadid, hi x’inhi, l-importanti li tieħu gost tagħmila u li ssib passjoni, ħalli dejjem iżżommok motivat.”
Insaqsi lil Sabrina jekk temminx li teżisti sbuħija ideali, u twieġeb ‘le’.
“Jekk hemm xi ħaga mhux togħġbok fik innifsek , irispetta u ħobb lilek nifsek biżżejjjed biex tibdilha.”