Skont studju maħruġ mill-Eurostat, pajjiżna għandu waħda mill-inqas rata ta’ densità għolja fid-djar, b’rata ogħla iktar mill-Irlanda u Ċipru biss.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes sostna ma’ ONE News li dan ir-riżultat huwa frott il-ħidma ta’ dan il-Gvern u jwassal sabiex maż-żmien tkompli togħla l-kwalità tal-ħajja.
Spjega l-bosta inċentivi sabiex aktar familji jsiru s-sidien ta’ djarhom, filwaqt li dawk li ma jistgħux jagħmlu dan, għandhom alternattivi differenti f’suq tal-kera aktar sostenibbli.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Pereżempju ż-żgħażagħ tal-lum qed intuhom anke l-iskema tal-għaxra fil mija biex il-Gvern jgħinhom biex ta’ età żgħiru jixtru wkoll propjetà. Dik hija waħda mill-benefiċċji li qegħdin noffru. Il-fatt li llum qiegħdin nagħtu wkoll għajnuna lil min forsi ssepara jew għandu ‘l fuq minn erbgħin sena imma m’għandux biżżejjed biex jixtri propjetà waħdu u qed jidħol f’sehem miegħu l-Gvern. Dik ukoll hija skema ta’ għajnuna sostanzjali. L-iskemi tal-benefiċċju tal-kera li wkoll, nies li ma jistgħux jaffordjaw li jixtru jew jisselfu, jikkru mis-settur privat imma wkoll jingħataw għajnuna finanzjarja sabiex ikunu jistgħu ilaħħqu mal-kera.”
Il-Ministru Galdes aċċenna li minkejja l-pandemija, il-Gvern xorta waħda baqa’ jipprovdi għajnuna.
Il-Ministru stqarr li l-ogħla rata ta’ densità fid-djar f’pajjiżna jinstabu fil-binjiet tal-akkomodazzjoni soċjali, li minħabba d-dħul baxx, ma jkunux jistgħu jaffordjaw appartamenti oħra. Huwa tenna li l-Gvern ilu jindirizza din id-densità għal snin twal.
Huwa tenna: “Għalhekk il-Gvern qiegħed jibni numru t’appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali biex inkomplu nsaħħu l-istock ta’ djar, u anke ngħinu familji li forsi llum għandhom tfal u majistgħux jagħmlu mobbiltà soċjali imma wkoll jingħataw appartament t’għajnuna min-naħa tal-istat.”