Matul ix-xahar t’April, fl-eqqel tal-pandemija, Malta rreġistrat titjib qawwi fejn jidħol bilanċ tal-kummerċ internazzjonali.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Fil-fatt din l-istatistika wriet li pajjiżna kellu tnaqqis fl-esportazzjoni li kien ferm anqas minn dak fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej.
Filfatt fil-bejgħ minn pajjiżna, f’Malta kien hemm tnaqqis ta’ 17%, filwaqt li pajjiżi bħal Ġermanja, il-mutur ekonomiku tal-Ewropa, sofra tnaqqis ta’ 33%.
Dan ifisser li l-Ġermanja rreġistrat kważi d-doppju tat-tnaqqis fl-esportazzjoni minn pajjiż bħal Malta.
L-agħar andament kien fir-Rumanija, fejn ġie osservat tnaqqis ta’ 49%.
Fejn tidħol l-importazzjoni, li jfisser ix-xiri lejn pajjiżna ra tnaqqis ta’ 28%.
Dan ifisser li t-tnaqqis kien akbar minn dak fl-esportazzjoni.
B’riżultat ta’ hekk, il-bilanċ tal-kummerċ internazzjonali tjieb b’terz.
Dan meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
B’kuntrast il-Ġermanja rat il-bilanċ tal-kummerċ internazzjonali tagħha jkun ħames darbiet anqas minn dak li kien sena qabel.
Din l-istatistika tkompli tikkonferma li d-daqqa ekonomika tal-COVID-19 f’pajjiżna qed tkun ferm anqas mill-medja Ewropea.
Dan huwa kif kienu bassru aġenziji internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Kummisjoni Ewropea.
Dawn kienu sostnew li pajjiżna ħa jieħu l-inqas daqqa ekonomika fost l-istati membri, fi sfond ta’ ekonomija reżiljenti.