Pajjiżna huwa r-raba’ l-aktar pajjiż mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea li rnexxielu jaqbad reżina tal-kannabis li tidħol fil-pajjiż.
Sentejn ilu, l-uffiċjali Maltin għamlu l-ħames l-ikbar qabda ta’ reżina tal-kannabis mill-pajjiżi kollha tal-kontinent Ewropew b’iktar minn sbatax-il elf u tliet mija u sitta u sittin kilogramma f’iktar minn tnejn u għoxrin qabda.
Dan ħareġ mir-Rapport Ewropew tad-Droga għal din is-sena. Spanja kienet l-iktar pajjiż li qabdet reżina tal-kannabis hekk kif interċettat ftit inqas minn erba’ mija u sebgħa u tletin elf kilo ta’ reżina tal-kannabis fi kważi mija u tmienja u sittin elf qabda.
Ir-rapport juri kif il-prodotti tal-kannabis kienu fost l-iktar tip ta’ droga maqbuda fil-pajjiżi Ewropej.
Filfatt, b’kollox inqabdet madwar sitt mija u tmienja u sittin elf kilogramma reżina tal-kannabis fl-Ewropa, b’Malta taqbad 2.6% minn dan l-ammont.
Ir-rapport wera wkoll kif madwar 4% tal-adulti Maltin jagħmlu użu tul ħajjithom tas-sustanza kannabis. Din hija l-iktar rata baxxa mill-pajjiżi kollha fil-kontinent Ewropew. L-ogħla rata hija fi Franza, fejn 45% tal-adulti jagħmlu użu tas-sustanza kannabis tul ħajjithom.
Ir-rapport innota wkoll kif is-sitwazzjoni ta’ dawk li jagħmlu użu mid-droga u l-infurzar kontra l-użu ta’ sustanzi illeċiti wkoll ġiet affetwata mill-pandemija tal-Covid-19. Dan hekk kif naqas l-interess fuq sustanzi bħal MDMA u kokaina li s-soltu l-iktar li jintużaw f’ambjenti soċjali li ma kinux qed joperaw minħabba l-pandemija.
Dan filwaqt li żdied l-interess fuq xiri ta’ droga minn swieq differenti fuq id-dark web.