- Pajjiżna bl-ogħla livell ta’ ottimiżmu minn Marzu 2013 s’issa
L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea fost azjendi u konsumaturi Maltin juri li l-indiċi tas-sentiment ekonomiku fi Frar laħaq l-ogħla livell osservat f’pajjiżna mill-bidla fl-amministrazzjoni f’Marzu 2013. Fil-livell ta’ 115, jew 25% aktar mill-istess xahar fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, dan hu wkoll l-ogħla livell ta’ ottimiżmu osservat fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Kważi kull settur tal-ekonomija Maltija kien pożittiv fl-istħarriġ ta’ Frar, bl-ikbar ottimiżmu jintlaħaq fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi li għandhom livell ta’ fiduċja kważi tliet darbiet il-medja Ewropea.
Ħafna operaturi Maltin fil-qasam tas-servizzi sostnew li għandhom aspettattivi aħjar għax-xhur li ġejjin u qed ibassru li se jkomplu jżidu l-ħaddiema.
L-ottimiżmu jispikka wkoll fil-qasam tar-retail, b’sentiment pożittiv f’Malta ħames darbiet il-medja Ewropea. Ħafna operaturi Maltin indikaw li qed jistennew li fit-tliet xhur li ġejjin se jżidu fil-bejgħ.
Fl-industrija, il-kumpaniji qed jistennew titjib fil-produzzjoni wara t-tisħiħ fl-ordnijiet li diġà kellhom fl-aħħar ftit xhur. Fil-fatt, dawn għandhom ordnijiet biżżejjed għas-seba’ xhur li ġejjin, kważi d-doppju tal-medja fiż-żona ewro, u se jwasslu biex dawn il-kumpaniji jżidu l-impjiegi fil-fabbriki tagħhom.
Skont ħafna operaturi fis-settur tal-kostruzzjoni, kien hemm żieda fl-attività, u fil-fatt irrappurtaw li għandhom xogħol b’lura għal ħames xhur bħala medja.
Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, il-familji f’pajjiżna komplew ikunu fost il-ftit li qed jgħidu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se tkompli titjieb fix-xhur li ġejjin. Il-maġġoranza jaħsbu li l-qgħad se jkompli jonqos fiż-żmien li ġej u li l-ekonomija se tkompli tissaħħaħ.
Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea jikkonfermaw li t-tkabbir ekonomiku qed jinħass mill-familji u min-negozji f’pajjiżna. L-istess kliem qalitu l-analiżi ekonomika tal-esperti tal-IMF, il-Kummissjoni Ewropea u r-rating agencies – liema analiżi l-Oppożizzjoni qed tmeri b’mod partiġġan.
L-istqarrija tal-Gvern tispjega li filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea għad fadal sens ta’ inċertezza ekonomika, f’pajjiżna l-miżuri li qed jieħu l-Gvern qed iwasslu f’aktar ġid li jasal għand kulħadd.