Pajjiżna għandu l-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro flimkien mal-Ġermanja.
Dan skont statistika maħruġa mill-Eurostat li tikkonferma li, filwaqt li f’Malta l-qgħad beda jonqos, fl-Unjoni Ewropea dan kompla jiżdied matul Ġunju.
Fil-fatt, f’pajjiżna r-rata ta’ qgħad naqset għal 4.2% f’Ġunju minn 4.3% f’Mejju.
Dan meta madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda minn 7.0% għal 7.1%, filwaqt li fiż-żona ewro ż-żieda kienet minn 7.7% għal 7.8%, li jfisser kważi d-doppju tar-rata f’pajjiżna.
L-akbar żieda fil-qgħad fiż-żona ewro matul Ġunju seħħet fil-Portugall, fejn ir-rata telgħet minn 5.9% għal 7% f’xahar wieħed biss.
Fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, l-akbar żieda kienet fl-Iżvezja, fejn ir-rata żdiedet minn 8% f’Mejju għal 9.3% f’Ġunju.
L-ogħla rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea hija fi Spanja, fejn dan issa jlaħħaq 15.6% jew kważi erba’ darbiet ir-rata f’pajjiżna.
L-uniċi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandhom rata anqas minn pajjiżna huma r-Repubblika Ċeka u l-Polonja.
Skont l-istatistika, iż-żgħażagħ kienu fost dawk li l-aktar gawdew mit-tnaqqis fil-qgħad f’pajjiżna.
Fil-fatt, ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin naqset minn 12.3% f’Mejju għal 11.9% f’Ġunju. Dan meta madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda minn 16.2% għal 16.8%.
B’reazzjoni għal din l-istatistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern qali t-tnaqqis fir-rata tal-qgħad f’pajjiżna seħħ fix-xahar li fih ġie mniedi l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.
Qal li l-fiduċja u s-sostenn li ta dan il-pjan serva biex pajjiżna jmur kontra t-tbassir ta’ ħafna li kien ser ikun hawn żieda qawwija fil-qgħad.
Il-Gvern fakkar li fl-eqqel tar-riċessjoni ekonomika tal-2009, f’Diċembru tax-xahar imsemmi pajjiżna kellu rata ta’ qgħad li kienet 2.5% aktar minn dik fil-pajjiż bl-anqas rata ta’ qgħad, dak iż-żmien il-Lussemburgu.
F’Marzu 2013, qabel il-bidla fl-amministrazzjoni, il-Ġermanja kellha rata ta’ qgħad ta’ 5.4% kontra 6% f’pajjiżna.
Il-Gvern irrimarka li dan ifisser li, minkejja l-pandemija, pajjiżna issa rnexxielu jneħħi kull distakk li kellu mal-pajjiż meqjus bħala l-mutur ekonomiku tal-Ewropa.
Intant fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja pajjiżna kellu l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro.
Qal li l-pjan tal-Gvern ta’ għada aħjar qed jagħmel id-differenza l-aktar lil dawk li huma fil-bżonn.
For the first time in history in June 2020 #Malta 🇲🇹 had the lowest #unemployment rate in the euro area. Our plan for a #bettertomorrow is making a real difference to those most in need – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) July 30, 2020