Is-sena li għaddiet, pajjiżna kellu t-tieni l-akbar żieda fl-ammont ta’ ljieli li qattgħu t-turisti fil-lukandi u f’postijiet oħrajn t’akkomodazzjoni, skont l-aġenzija Ewropea l-Eurostat. Dan hekk kif ġiet irreġistrata żieda ta’ 13% fostna, bil-pajjiż li kellu l-akbar tkabbir ikun il-Lussemburgu bi 22%.
It-tielet pajjiż bl-aħjar titjib kien il-Latvja, b’żieda ta’ 7%.
Minkejja dan, hu fatt magħruf li l-industrija turistika fil-Latvja u fil-Lussemburgu huma iżgħar minn dawk ta’ Malta u magħdudin flimkien ukoll jibqgħu iżgħar mill-industrija ta’ pajjiżna.
L-istqarrija tal-Eurostat irrimarkat ukoll kif, filwaqt li t-turiżmu lejn Franza u l-Belġju naqas, dak lejn l-Iżvezja, il-Finlandja u l-Italja baqa’ l-istess bħal sena qabel.
It-tkabbir medju tat-turiżmu fl-Unjoni Ewropea kien biss ta’ 2% jew kważi sitt darbiet inqas milli żdied f’pajjiżna.
Minbarra l-Eurostat, din il-ġimgħa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar rekord ta’ kważi disa’ miljun passiġġier fi ħdanu fl-2024. Dan kien ifisser tkabbir ta’ 15%, b’ħafna miż-żieda tiġi fix-xhur tax-xitwa, ukoll indikazzjoni li l-politika tal-Gvern li jnaqqas l-istaġjonalità tal-industrija turistika qed tħalli impatt.
Għal din is-sena l-ġdida, l-Ajurport Malti jbassar tkabbir ta’ inqas minn 4%, anke fid-dawl tal-istrateġija tal-Gvern li jiffoka l-industrija aktar fuq il-kwalità milli fuq il-kwantità.
Sadanittant l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ukoll ikkonferma kif l-2024 se tkun waħda rekord mid-dħul tal-industrija turistika, bl-infiq tat-turisti jlaħħaq kważi €3.2 biljun jew 23% iżjed mill-2023.
Il-fatt li l-infiq tat-turisti żdied b’rata aktar għolja mill-iljieli li qattgħu fostna jfisser li l-ammont li ntefaq kull lejl żdied b’mod qawwi.
Din ukoll hi konferma li l-istrateġija tal-Gvern biex f’Malta jiġu turisti aktar ta’ kwalità qed tibda tħalli effett.
L-akbar titjib irreġistrat kien fost it-turisti Olandiżi, li bħala medja żiedu n-nefqa kull lejl b’€24, waqt li kien hemm żidiet qawwija wkoll fl-ispiża tat-turisti Amerikani, li nefqu medja ta’ €33 iżjed kull lejl fuq l-2023.
Imma forsi l-aktar riżultat importanti kien it-titjib fl-ispiża tat-turisti Taljani, li s’issa kienu fost l-inqas li jonfqu. Is-sena li għaddiet kien hemm żieda ta’ 12% fl-ispiża tagħhom kull lejl. Kien hemm żieda simili fost it-turisti mir-Renju Unit.
L-Italja u r-Renju Unit huma s-sorsi prinċipali tat-turiżmu f’pajjiżna, tant li flimkien jammontaw għal terz tat-turiżmu li nilqgħu fostna.