Fl-aħħar tas-sena l-oħra, pajjiżna kellu t-tielet l-akbar żieda fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea.
Statistika tal-EUROSTAT uriet li pajjiżna żied ix-xogħol b’1.7%.
Kienu biss il-Bulgarija u Ċipru li qabżu lil Malta.
Pajjiżna mhux biss kellu żieda għolja fil-qasam tax-xogħol iżda skont il-EUROSTAT qabeż il-miri għall-2020 dwar ir-rata tax-xogħol għal dawk li jgħoddu bejn l-20 u l-64 sena.
Pajjiżna mhux biss laħaq sew il-miri imma kien ukoll fuq il-medja Ewropea fir-rata tax-xogħol.
Intant il-EUROSTAT irrimarka li pajjiżna għad fadallu x’jaqdef fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Fil-fatt għad hemm differenza bejn ir-rata ta’ rġiel u nisa jaħdmu.
Intant statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wriet li f’Marzu, ix-xahar fejn f’pajjiżna faqqgħet il-pandemija tal-Coronavirus, in-numru ta’ persuni qiegħda kien ta’ ftit aktar minn elfejn persuna.
Fuq Marzu tas-sena l-oħra, meta ma kienx hemm pandemija, ir-rata ta’ qgħad żdiedet bi ftit inqas minn għoxrin fil-mija (19.9%).