Pajjiżna għandu rwol importanti x’jaqdi meta jkollu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fi żmien li hu maħsub li r-Renju Unit ikun fil-proċess li joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Waqt laqgħa oħra mis-sensiela Gvern li Jisma’, kien imiss lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella li jwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ dawk preżenti u semma l-possibilita’ li pajjiżna flok sitt xhur jagħmel disa’ xhur fit-tmun tal-Presidenza Ewropea.
Il-Ministru Vella qal li r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u r-Renju Unit ma bdewx bid-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea u għalhekk sostna li diġà jeżistu ftehim bilaterali fuq numru ta’ oqsma bejn iż-żewġ pajjiżi.
Ikkummenta għal dak imsejjaħ bħala BREXIT u skont il-fehma tal-Ministru, dawk li kienu minn ta’ quddiem li kkampanjaw favur it-tluq tar-Renju Unit issa dawn għandhom joffru s-soluzzjonijiet għal pajjiżhom.
Il-Ministru George Vella semma wkoll in-numru ta’ konferenzi internazzjonali li kienet involuta Malta fihom u b’mod partikulari semma l-Valletta Summit u ċ-CHOGM li saru f’pajjiżna fix-xhur li għaddew u li Malta tant irċeviet tifħir għall-organizazzjoni.
Semma kif il-Valletta Summit għadu jissemma bħala dak li fetaħ it-triq għal diskussjoni serja biex tiġi indirizzata l-immigrazzjoni mill-Afrika ta’ Fuq lejn l-Ewropa.
George Vella tkellem ukoll dwar il-Libja u qal li Malta hija minn ta’ quddiem li minn żmien għal żmien tappella lill-Unjoni Ewropea biex tagħti attenzjoni speċjali s-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż.
Il-Ministru Vella ta elenku wkoll għall-aġenda wiesgħa li għandu d-dekasteru tiegħu u qal li minkejja li x-xogħol fil-Ministeru tiegħu rari jagħmel ħoss, dan huwa importanti sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi ma’ ħafna pajjiżi. Qal li kemm il-darba Malta tibni relazzjonijiet tajba ma’ pajjiżi jitkattar l-investiment lejna, jiżdied it-turiżmu u anki tisaħħaħ l-istabbilità tant importanti biex il-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem.
Huwa semma kif quddiem it-theddida tat-terroriżmu u l-isfida tal-immigrazzjoni, pajjiżna jibqa’ fuq quddiem bħala pont ta’ djalogu favur it-tisħiħ tas-sigurtà u l-paċi fid-dinja.
Il-Ministru Vella temm id-diskussjoni billi rringrazzja l-korp diplomatiku tax-xogħol siewi tagħhom.