Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika f’lukanda ewlenija bit-tħejjija għal Budget 2020, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li pajjiżna jeħtieġ ikompli jattira investiment ġdid.
Huwa tkellem f’kuntest li kull ma jmur l-ekonomija Maltija qed tkun iżjed diversifikata u għalhekk issa jeħtieġ inkomplu nsostnu l-ġid għal kulħadd.
Saħaq li pajjiżna llum għandu sfidi ġodda fosthom l-immaniġjar tal-iskart.
Qal li aktar żgħażagħ jeħtieġ jitħarrġu f’oqsma ġodda sabiex jibqa’ jitkattar ix-xogħol.
“Is-surplus qed jinħoloq bl-għaqal u mhux b’xi skema waħda jew tnejn”, saħaq il-Ministru Scicluna.
Dan billi semma wkoll li l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment mhux is-sors ewlieni għas-surplus milħuq sena wara sena.
Intant fost in-nies li għaddew is-suġġerimenti kien hemm wieħed li saħaq kif il-fabbriki f’pajjiżna jeħtieġ jaġġornaw u għalhekk talab li l-Gvern jinċentiva lill-fabbriki, speċjalment dawn li huma parti min-negozju tal-familja.
Suġġeriment ieħor li wasal minn dawk preżenti kien biex id-dipartiment tat-taxxa jħejji ktejjeb u jfiehem aħjar il-benefiċċji li ta l-Gvern b’rabta mat-tnaqqis tat-taxxa.