Rapport maħruġ mill-Bank Ċentrali jikkonferma li l-attività ekonomika f’pajjiżna tinsab f’livell aħjar min-normal. Fil-fatt, indiċi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi maħdum mill-Bank Ċentrali juri li bħalissa dawn huma bil-bosta aħjar mill-medja fl-aħħar sittax-il sena.
Skont il-Bank Ċentrali, il-kundizzjonijiet ekonomiċi f’Diċembru li għadda komplew jitjiebu, għall- ħames xahar konsekuttiv. Il-valur tal-indiċi għal Diċembru 2016 kien ferm ogħla minn dak fl-istess xahar tas-sena ta’ qabel.
L-analiżi tal-Bank Ċentrali turi li dan ir-riżultat huwa dovut għal titjib fl-ottimiżmu fost in-negozji u l-familji f’pajjiżna. Dan filwaqt li l-attività fil-qasam tas-servizzi kompliet tirranka.
Ir-rapport isostni li kemm il-bejgħ mill-ħwienet, kif ukoll l-attività fil-qasam turistiku, marru aħjar mis-sena ta’ qabel. Il-qasam tax-xogħol baqa’ jitjieb, bi tnaqqis fost dawk li jirreġistraw. Id-depożiti tal-familji mal-banek komplew jirrankaw, filwaqt li t-titjib fid-dħul mit-taxxi wassal għal defiċit inqas. Ir-rata tal-għoli tal-ħajja baqgħet taħt il-1%.
Il-Gvern fi stqarrija spjega li dan l-istudju mill-Bank Ċentrali jikkonferma li bħalissa l-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna hi ferm aħjar minn dik fi snin passati.
Dan qed iwassal għal aktar impjiegi, aktar dħul u aktar tifdil għall-familji tagħna. Dan il-gvern se jkompli jaħdem biex il-ġid jasal għand kulħadd.