“Pajjiżi oħrajn jissikkaw iċ-ċinturin u aħna weġibna b’baġit li jagħti fiduċja lin-nies u n-negozji tagħna.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni li qasam il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’attività politika fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ bit-tema “Inġeddu Malta Pajjiżna”, il-Ħadd filgħodu.
F’merħba sabiħa li ngħata miż-Żebbuġin, il-Prim Ministru sostna kif rridu nkomplu nagħtu s-saħħa lill-komunitajiet tagħna.
Hawnhekk aċċenna li dan il-pajjiż għandu jibqa’ tal-Maltin u tal-Għawdxin.
Qal, “Minkejja li pajjiżi barranin qegħdin jissikkaw iċ-ċintorin, pajjiżi barranin jimbuttaw il-politika ta’ awsterità, il-Gvern tar-Renju Unit iżid erbgħin biljun sterlina f’taxxi. Aħna nwieġbu b’baġit li jkollu l-akbar tax cut fl-istorja, żieda oħra fil-pensjonijiet, żieda għat-tieni sena konsekuttiva ta’ 250 ewro fiċ-childrens allowance, insaħħu ż-żgħażagħ tagħna, insaħħu kull settur, nerġgħu nagħtu s-sussidji fid-dawl, fl-enerġija. Dak il-baġit li weġibna aħna għalih. Baġit li jagħti fiduċja lin-nies.”
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif fil-budget week, li għadha kemm għaddiet, dan il-Gvern ġab il-prijoritajiet tal-Maltin u l-Għawdxin fuq quddiem.
Hawnhekk iddeskriva lin-nominat Malti Glenn Micallef bħala żagħżugħ ta’ 35 sena, li mar fl-istituzzjonijiet Ewropew u għamel ġieħ lil pajjiżu.
Fid-diskors tiegħu aċċenna li f’pajjiżna, id-diskussjoni m’għandhiex tkun iffukata biss fuq it-tkabbir ekonomiku imma issa rridu nitħaddtu fuq kif it-tkabbir se jkun qed jirrifletti fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Matul id-diskors, il-Prim Ministru ffokka fuq settur li kiber ħafna f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, dak tas-settur marittimu. Hawn ġie spjegat li l-iprem siti fil-Port il-Kbir, għandhom jiġu utilizzati bl-aqwa mod biex l-industrija marittima tkun moqdija kollha kemm hi.
Dr Abela għamel referenza wkoll għall-Pre-Budget Document tal-Partit Nazzjonalista, li lanqas biss ġie ppubblikat.
Qal, “Ikollok oppożizzjoni li minflok tlaħħmu d-dokument li kienet qiegħda tfassal, taqta’ qalbha minnu u ma tagħmel xejn. Immaġinaw li kieku kellhom ikunu fil-Gvern, jibdew ifasslu l-budget, jaqtgħu qalbhom minnu u ma jagħmlux budget. Dik hija r-realtà li qiegħda toffri l-oppożizzjoni li qed tipproponi lilha nnifisha bħala Gvern alternattiv.
Il-Prim Ministru fakkar kif il-ġimgħa d-dieħla il-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-miżura tal-Labour Migration Policy, li tindirzza s-suq tax-xogħol biex f’pajjiżna jidħlu biss ħaddiema għall-bżonn.
Il-Prim Ministru temm jgħid li dan il-Gvern qed jaħdem b’sinerġija għal għan wieħed biex fl-aħħar mill-aħħar inkomplu nersqu lejn pajjiż ta’ kwalità.
Qal, “Kwalità fl-edukazzjoni, kwalità fl-investiment, kwalità fis-suq tax-xogħol, kwalità fis-servizz tas-saħħa, kwalità ta’ spazji miftuħa, ħalli flimkien inkomplu nsaħħu lil dan il-pajjiż, flimkien inkomplu nsaħħu l- kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin, flimkien inkomplu nsaħħu l-kwalità tad-dħul tagħkom, ħalli flimkien inkomplu nsaħħu Malta tagħna u flimkien inkomplu nġeddu lil Malta pajjiżna. Grazzi lilkom ilkoll u ejja ħalli naħdmu flimkien ħalli nkomplu mmexxu lil Għawdex u Malta tagħna li tant inħobbu ’l quddiem.”