Numru ta’ pajjiżi Ewropej sostnew li mhumiex lesti jibagħtu s-suldati tagħhom jiġġieldu fl-Ukrajna.
Pajjiżi anki msieħba fin-NATO bħar-Renju Unit u l-Polonja sostnew li mhux lesti jibgħatu t-truppi fi gwerra.
Magħhom ingħaqdu pajjiżi bħall-Iżvezja, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron kien qal li ma jeskludi xejn meta mistoqsi jibgħatx truppi l-Ukrajna.
Il-pajjiżi kollha msemmija iżda sostnew li għandu jingħata l-appoġġ lill-Ukrajna li ġiet attakkata mill-qawwiet Russi fuq ordni tal-President Vladimir Putin mingħajr ma kien hemm provokazzjoni.
F’għeluq it-tieni anniversarju mill-invażjoni Russa, fl-aħħar jiem, il-President Ukren Volodymyr Zelensky innota li t-taqbida mal-qawwiet Russi hi għat-telgħa iżda saħaq li bl-appoġġ mill-Punent, l-Ukrajna toħroġ rebbieħa.
Min-naħa tar-Russja, kelliem għall-Gvern Russu, il-Kremlin, saħaq li s-suldati ta’ pajjiżi oħra mill-Punent fl-Ukrajna tiftaħ konfrontazzjoni diretta mar-Russja.
Ritratt: Reuters