Żieda ta’ aktar minn 30% fl-allokazzjoni finanzjarja tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni għas-sena 2025
Fil-Budget 2025 tħabbret żieda ta’ 32% fil-budget finanzjarju għad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, bil-għan li jkompli jagħti spinta lill-kwalità tal-ħajja u jkompli jtejjeb id-dehra tal-pajjiż. Dan il-finanzjament miżjud huwa parti minn impenn usa’ tal-Gvern biex ikompli jagħmel minn pajjiżna post iktar nadif u fejn wieħed jieħu pjaċir jgħix fih.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield spjega kif din iż-żieda se tfisser li d-Diviżjoni se tkun f’pożizzjoni li żżid l-effiċjenza, iżżid l-indafa u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja.
“Qed nagħmlu investiment dirett f’Malta iktar nadifa u organizzata, fejn l-estetika, il-ġid ambjentali u s-saħħa pubblika huma prijoritizzati bħala elementi ċentrali għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Wara li fl-aħħar xhur żidna sinifikament l-investiment f’apparat tal-aħħar teknoloġija, din iż-żieda fil-budget tad-Diviżjoni se tkompli ttejjeb l-effiċjenza u l-operat, għax fl-aħħar mill-aħħar, l-indafa pubblika hija ċ-ċavetta għat-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja,” tenna s-Segretarju Parlamentari.
Huwa fisser ukoll kif it-tindif pubbliku għandu impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja, billi spazji nodfa mhux biss itejbu l-estetika tal-komunità iżda wkoll jgħinu biex joħolqu ambjent iktar san għar-residenti u għat-turisti. “Meta l-ambjent pubbliku jkun imħares u nadif, in-nies ikollhom rispett ikbar lejn l-inħawi tagħhom, u dan jgħin biex tinħoloq kultura ta’ responsabbiltà kollettiva. Dan is-sens ta’ ordni u tindif jiġbed ukoll il-kummerċ u jirrendi l-ġid. B’hekk, it-tindif pubbliku jservi bħala ħolqa importanti għall-kummerċ u l-ekonomija, u jagħmel il-lokalitajiet aktar attraenti kemm għall-investiment kif ukoll għal impjiegi ġodda,” saħaq is-Segretarju Parlamentari Bedingfield.
Huwa temm jgħid li dan il-finanzjament miżjud se jippermetti lid-Diviżjoni biex tkompli tibni fuq l-investimenti u s-suċċessi tal-aħħar xhur, b’aktar investiment f’apparat teknoloġiku ġdid, riżorsi moderni, u aktar ħaddiema biex iżommu l-pajjiż f’kundizzjoni tajba għall-benefiċċju ta’ kulħadd.