‘Viżjoni Malta 2050’, il-pjan ħolistiku li se jsawwar il-futur ta’ pajjiżna għall-25 sena li ġejjin, kien ittrattat f’business breakfast, li kien indirizzat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża, u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri.
Din il-viżjoni se tkun qed tara li, għaż-żmien li ġej, pajjiżna jkollu sisien sodi fis-setturi tal-infrastruttura, is-sostenibbiltà, l-ekonomija ekoloġika, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, flimkien mal-iżvilupp tat-talenti.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru saħaq li din il-viżjoni bdiet fuq proċess ta’ konsultazzjoni, li qed isseħħ ma’ bosta entitajiet f’pajjiżna u għalhekk se jkun eżerċizzju li kull Gvern irid jara li jagħmel biex dejjem iżomm kuntatt u jisma’ l-bżonnijiet tal-istess entitajiet b’mod kontinwu biex jinħoloq moviment nazzjonali.
“Għandna ħafna pożittiv, ħafna sabiħ u ħafna tajjeb. Hemm però sfidi li rridu nkomplu nindirizzaw, sfidi li ġew maħluqa mill-fatt li pajjiżna kiber – li pajjiżna avvanza – imma wkoll sfidi li, kif spjegajt, qegħdin f’pożizzjoni li mmorru għall-kwalità. U nistgħu mmorru għall-kwalità, għax finanzjarjament dan il-pajjiż hu b’saħħtu. Biex titkellem fuq il-kwalità, li tiswa l-flus, irid ikollok ir-riżorsi. U allura, la għandna r-riżorsi, illum il-ġurnata nistgħu nagħżlu. Nagħżlu x’tip ta’ turist, mhux li rridu nġibu t-turisti, illum nistgħu nagħżlu x’tip ta’ negozju, u mhux li rridu nġibu negozju, illum nistgħu nagħżlu x’tip ta’ karrieri noħolqu, mhux li noħolqu kwalunkwe karrieri.”
Ministru Silvio Schembri
Fl-istess waqt, il-Ministru appella biex il-korpi kostitwiti jingħaqdu ħalli s-suċċess ma jibqax ibbażat biss fuq ċifri u fuq il-Prodott Gross Domestiku, iżda s-suċċess jitkejjel fuq il-poplu u fuq il-kwalità tal-ħajja.
Schembri żied jgħid li, minkejja li dan hu pjan ta’ viżjoni għall-25 sena li ġejjin, l-ewwel riżultati konkreti għandhom jibdew jidhru sas-sena 2035, bi gwida u żviluppi li huma mmirati li jintlaħqu sa daqs għaxar snin oħra.
Il-Ministru tal-Ekonomija semma l-importanza tal-Key Performance Indicators, jew KPIs, li se jkollhom taħt din il-viżjoni fit-tul. Permezz tagħhom, se jkun qed jiġi żgurat li kollox isir b’mod trasparenti u b’responsabbiltà, filwaqt li l-pubbliku se jkun jista’ jsegwi l-progress tal-Gvern lejn l-għanijiet, permezz ta’ stadji importanti ċari stabbiliti għall-2035.
“Dan hu eżerċizzju li jrid ikun ta’ kulħadd, u biex ikun ta’ kulħadd trid issir b’konsultazzjoni kif qegħda ssir miftuħa, irridu nkunu sinċieri, irridu nkunu trasparenti man-nies. Id-deċiżjonijiet li hemm bżonn nieħdu huma deċiżjonijiet iebsin ukoll, li dan il-Gvern għandu l-kuraġġ li jeħodhom, però ejja nifhmu li kull deċiżjoni se jkollha r-riperkussjonijiet tagħha. Għalhekk importanti li man-nies inkunu ċari, fejn hemmhekk nissettjaw ukoll dawk li jgħidulhom Key Performance Indicators, u allura li jkunu ċari u pubbliċi biex dak li jkun ikun jista’ jara li dan mhux sempliċiment dokument ieħor li għamilna u nfaqna l-flus, għamilna konsultazzjoni u tfajnieh hemm, imma li ġurnata b’ġurnata nibdew nilħqu dawk it-targets.”
Ministru Silvio Schembri
Il-Ministru tenna li pajjiżna għandu ħafna tajjeb u, xi kultant, dan jiġi sottovalutat. U għalhekk li pajjiżna għandu jingħaqad biex inkomplu nibnu u nirranġaw fuq li għandna biex kull wieħed u waħda minna jkollu għajxien aħjar.