L-investiment bil-Baġit 2025 għall-edukazzjoni ta’ kwalità se jkun dak ta’ biljun ewro. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Hawnhekk intqal li l-allokazzjoni f’dan is-settur f’sentejn żdiedet b’madwar €180 miljun.
Fost l-investimenti mħabbrin hemm l-estensjoni tal-allowance speċjali ta’ €500 għal tliet snin lil dawk il-ġenituri li jkollhom lil uliedhom li jkomplu jistudjaw. B’din il-miżura se jibbenefikaw aktar minn 10,500 familja. Ġiet estiża wkoll il-one tablet per child, waqt li għaddejja ħidma biex jingħata laptop lill-istudenti tas-seba’ u t-tmin sena.
Il-Ministru Grima semma wkoll l-infrastruttura tal-iskejjel, fejn se jibda programm ġdid ta’ manutenzjoni fuq aktar minn mitt skola fi tlettax-il sena. Hawnhekk semma kif se jkompli l-proċess fuq skejjel Primarji ġodda fin-Naxxar u l-Mellieħa.
Is-sena d-dieħla se jitwaqqaf mill-ġdid l-istitut tas-snajja’, waqt li aktar tard f’Novembru se jibda l-kors ta’ veterinarji. Dan filwaqt li tħabbret żieda fl-allokazzjoni għall-Università.
Tħabbar ukoll li se tingħata għotja ta’ €20 biex jinxtraw kotba għat-tfal waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb u librerija fid-dar, b’valur ta’ €150, għal dawk it-tfal li l-familji tagħhom jaqgħu taħt Skema 9.
“Diversi inizjattivi li jaraw li nagħtu l-għodda kollha neċessarja lill-edukaturi tagħna, li nagħtu l-ħiliet kollha neċessarji lill-istudenti tagħna, ħidma aktar fil-qrib mad-diversi setturi tas-soċjetà tagħna, b’għan wieħed, dak li nkunu sistema waħda, unika li permezz tagħha, it-tfal tagħna jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jkunu suċċess f’kull triq li huma jagħżlu.”
Il-Ministru Clifton Grima
Din il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, Keith Azzopardi Tanti, li semma kif il-Gvern se jinvesti aktar fl-intelliġenza artifiċjali u r-robotika, b’din tkun marbuta mal-ħajja ta’ kuljum.
“Wieħed mill-proġetti, saħansitra attira interess internazzjonali, fejn dan il-proġett ta’ riċerka partikolari, li għandu x’jaqsam il-Quantum Computing se jkollu tliet ġganti internazzjonali. Jiġifieri qed insemmi lil dawk li għandhom x’jaqsmu mad-diġital: l-IBM, kif ukoll l-Amazon, imma se jkollna partner f’dan il-proġett ta’ riċerka, xejn inqas minn Airbus.”
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti
Is-Segretarju Parlamentari, fost numru ta’ proġetti oħrajn, semma wkoll il-fondazzjoni responsabbli mir-riċerka dwar il-kanċer, fejn din l-investiment fiha se jirdoppja. Anke fil-qasam spazjali kien hemm żieda fl-allokazzjoni u semma kif fi ftit ġimgħat oħra se titressaq l-ewwel liġi għal dan il-għan.
Dwar il-qasam sportiv, il-Ministru Grima semma l-miżura ta’ sitt xhur gym bla ħlas għaż-żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007. Semma wkoll kif se jitlesta l-proġett taċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke u se jkompli x-xogħol fuq iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport, bl-art se tgħaddi għand il-federazzjoni responsabbli.