Waqt konferenza bit-tema’ Pajjiż ta’ kwalità, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea ħabbar aktar investiment mill-Gvern fl-anzjani tagħna, fosthom dawk f’San Vinċenz De Paul.
Għal din ir-residenza, huwa semma l-investiment fl-apparat u s-servizzi tal-aqwa kwalità’ fejn qal li din is-sena se jkunu qed jintemmu 5 snin ta’ ristrutturar f’San Vinċenz De Paul b’investiment ta’ miljun ewro fejn saħansitra ħa jgawdi 64 resident ġdid.
Semma t-tkabbir fil-blokka bi spazju ta’ 800 metru kwadru għall-ħażna tal-mediċina u aktar investiment f’apparat mediku bħal l-magna tal-bone density u waslet biex illum l-anzjani ma jkollhomx għalfejn jistennew għat-test tal-għadam.
Agius Galea semma l-ftuħ ta’ razzett terapewtiku b’investiment ta’ 700,000 ewro u l-introduzzjoni ta’ kura intermedjarja li hija kunċett ġdid li l-anzjani fraġli ma jkollhomx immorru Mater Dei u b’hekk ikompli jitnaqqas il-piż ta’ xogħol fuq dan l-istptar.
Is-Segretarju Parlamentari tenna dwar l-importanza ta’ sistemi li dejjem qed jissaħħu fil-kura tal-anzjani. Huwa semma ż-żieda ta’ kliniċi speċjalizzati bħal tal-qalb u klinika speċjaliżżata għal dawk bi problemi fin-nervituri.
“Fil-verità s-sistemi li se jkollna, ħa nifirxu fuq diversi tipi ta’ kura oħrajn, fosthom il-psikoġerjatrija, ir-renal unit, il-kura tal-pazjenti li huma morda bil-kliewi, li jkollhom bżonn iqattgħu ħinijiet fuq il-magni tal-kliewi. Se nkunu qed nagħmlu investiment hawnhekk permezz ta’ tmintax-il magna ġdida u allura ħa jkollna sistema ta’ sala għalihom ukoll. ħa jkollna wkoll sistemi ta’ kura paljattiva għall-anzjani tagħna li jkunu waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom jkunu qed jieħdu dik il-kura li rridu noffrulhom b’għożża kemm għalihom u kemm għall-qraba tagħhom.”
Huwa tkellem ukoll fuq l-importanza li jsir taħriġ għall-ħaddiema fir-residenza fit-tul San Vinċenz de Paul, dan ħalli t-tim multi-dixxiplinarju jkollu l-ħiliet meħtieġa sabiex l-anzjan ikollu kura iktar ħolistika u individwali u b’hekk titjieb il-kwalità ta’ ħajja fost l-anzjani tagħna.