F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni mhix kredibbli meta titkellem dwar il-finanzi tal-pajjiż. Anke għax għandha kap li minkejja kull statistika uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jibqa’ jgħid li pajjiżna m’għandux surplus u jistaqsi fejn hu s-surplus.
Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis semma bosta miżuri mwettqa minn Gvern li minnhom gawdew il-poplu Malti u Għawdxi, fosthom it-trasport b’xejn u ż-żieda fil-pensjonijiet.
Għall-kritika tal-kap tal-oppożizzjoni dwar fejn hu s-surplus, zammit lewis kellu tweġiba ċara.
“Dan is-surplus m’huwiex biex niftaħru bih. Is-Surplus imur għand in-nies,” qal Dr Zammit Lewis.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Alex Muscat qal li huwa kważi surreali l-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jisfida dawn il-fatti li ħerġin mhux biss mill-Gvern iżda wkoll minn istituzzjonijiet indipendenti.
“Kap tal-Oppożizzjoni li qed jiċċelinġja dawn il-fatti li qed joħorġu mhux biss mill-Gvern iżda anke istituzzjonijiet indipendenti li qed jikkonfermaw dan il-fatt,” qal id-Deputat Muscat.
Il-Kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew Fleure Vella spjegat kif ir-riżultati ferm pożittivi li kisbet Malta taħt Gvern Laburitsa, għamlu lil pajjiżna fil-quċċata meta mqabblin ma’ pajjiżi oħra.
“Hija realta’ li fejn qabel konna fl-aħħar tal-klassi in terms tal-excessive deficit procedure imdendla fuq rasna, illum qegħdin fost l-aqwa pajjiżi Ewropej,” spjegat Fleur Vella.