Għexieren ta’ kotba qed ikunu analizzati għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb qabel ikun deċiż jekk jagħmluhiex għall-fażi finali. Responsabbli minn dan il-proċess hemm il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Tkellimna ma’ Mark Camilleri, il-President ta’ dan il-Kunsill. Mhux biss dwar il-premju iżda wkoll dwar x’qed toffri l-letteratura Maltija, x’inhu l-livell u xi rwol qed jieħu fis-soċjetà l-awtur Malti. Bħal dejjem Camilleri kien ċar u dirett fit-tweġibiet tiegħu.
Għal darb’oħra se jsir il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. X’inhu l-għan tiegħu?
Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa avveniment annwali u huwa l-iktar avveniment improtanti li jagħti rikonoxximent lill-kittieba lokali. Dan il-premju huwa importanti biex niċċelebraw il-kittieba u l-aħjar kotba li jiġu ppublikati lokalment, u permezz tar-rikonoxximent tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, dawn l-awturi u l-kotba tagħhom isiru iktar popolari fis-soċjeta tagħna.
X’tip ta’ kotba tfittxu u liema jikkwalifikaw għalih?
Prattikament il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa maqsum fit-tnejn u kull min ippubblika lokalment jista’ jipparteċipa irrispettivament minn nazzjonalità. Ktieb lokali nifhmu bih ktieb li għandu ISBN mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u din hija l-marka li l-ktieb ġie ppubblikat f’Malta għax l-ISBN jitqassam dejjem u esklussivament mill-aġenzija tal-pajjiż partikolari u kull pajjiż għandu l-aġenzija tiegħu. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb imbagħad jinqasam fi tnejn: Terramaxka li huwa l-premju tal-kotba għat-tfal u li jiġi imħabbar qabel il-ftuħ tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u imbagħad hemm il-premju tal-kategoriji kollha l-oħra ta’ kotba immirati għall-adulti, liema ċerimonja ta’ dan il-premju issir fil-Berġa ta’ Kastilja taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru.
Il-premju jingħata dejjem jew irid jintlaħaq ċertu livell?
Jekk il-livell ma jintlaħaqx, il-premju ma jingħatax imma dik hija dejjem għad-diskrezzjoni tal-aġġudikanti. Il-bord tal-aġġudikanti jagħmel xogħol intensiv ħafna u prattikament il-bord tal-aġġudikanti jiltaqa’ mill-inqas tliet darbiet għall-diskussjonijiet estensivi ħafna. Il-proċess ta’ aġġudikazzjoni huwa arduż u mhuwiex faċli. Il-Kunsill għandu ċerti kriterji definiti ta’ kif għandhom jitqassmu l-punti tal-aġġudikazzjoni, imma proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ ħafna kotba dejjem huwa suġġett għall-ħafna aspetti relattivi bħall-iskejjel tal-ħsieb li jippartjenu minnhom l-aġġudikanti u l-kwalità tal-kotba infushom meta tiġborhom kollha flimkien u tikkumparahom. Il-Kunsill huwa kburi li qed jamministra l-proċess tal-aġġudikazzjoni tal-premju b’rigorżità effiċjenti u reqqa kbira, u kburi ħafna bix-xogħol li jsir minn dan il-att, anke bil-kwalità ta’ aġġudikanti li jkollna.
Sodisfatt bil-livell li qed jintlaħaq?
Iva u le. Meta nitkellmu fuq letteratura, jiġifieri rumanzi, poeżiji u stejjer qosra, qisu li għandna grupp ta’ kittieba li qed jeċċellaw tant li jiddistingwu ruħhom sew minn mal-bqija tal-kittieba l-oħra. Hija xi ħaġa tajba li għandna numru ta’ kittieba li qed jeċċellaw ħafna fil-prodott tagħhom. Imma l-problema hi, u hawnhekk fejn hu d-diżappunt u l-le tiegħi li mhux qed ikun hawn ħafna kittieba ġodda li qed jilħqu l-livell ta’ dawn il-kittieba kbar. Żvillupp riċenti u interessanti hu li ħafna mill-kittieba ġodda tal-letteratura li qed joffru xogħol interessanti u ta’ min jagħti kasu huma kważi tista’ tgħid kollha nisa, bħal Leanne Ellul, Roberta Bajada, Lara Calleja, Antoinette Borg u Rita Saliba. Jekk dawn in-nisa hux ser ikissru t-tradizzjoni fil-letteratura Maltija tad-dominanza tar-raġel fil-kulleġġ tar-rebbieħa tal-premju fl-oqsma tal-letteratura, wieħed għad irid jara. Mill-banda l-oħra, fil-kategoriji tar-riċerka u l-istorjografija, qed ikollna livell għoli ta’ kotba minn ħafna kittieba differenti, iżda ġieli jinzertaw snin fejn ma jkollokx livell tajjeb.
F’liema livell qiegħed is-suq tal-pubblikazzjonijiet tal-kotba f’pajjiżna. Donnu qed jiżdiedu l-kotba ppubblikati hawn Malta?
L-ammont ta’ kotba li jiġu ppubblikati qed jiżdied b’xi ftit imma l-konsum tal-kotba f’Malta qiegħed dejjem jikber. Il-problema serja li naraw aħna hi li ħafna miż-żieda tal-konsum tal-kotba mhux qed tiġi mill-ħwienet tal-kotba iżda mix-xiri li jsir mill-internet.
Il-fatt li fl-aħħar snin inbidlu liġijiet bħal taċ-ċensura għen il-qasam tal-kitba u l-pubblikazzjonijiet f’Malta? Jew ma biddel xejn?
Il-bdil fil-liġijiet ta’ ċensura kien bla dubju l-aktar att leġiżlattiv importanti għad-dinja tal-letteratura fiż-żminijiet riċenti. Jekk toqgħod taħseb fuqha b’mod kritiku, tinduna li s-sistema ta’ ċensura fuq il-letteratura kienet għadha bl-istess prinċipji kolonjali ta’ meta daħlet il-liġi tal-istampa. F’Malta l-liġi tal-istampa tal-1839 daħlet bil-kundizzjoni li ma tiġix kritikata r-reliġjon Kattolika u b’hekk ġie introdott il-libell. Maż-żmien il-kunċett tal-libell żvilluppa u nbidel iżda il-kunċetti bażiċi tal-liġijiet li jirregolaw il-pubblikazzjoni u l-arti baqgħu bl-istess ideoloġija u ħsieb tas-seklu 19: kollox huwa permess minbarra affarijiet kontra r-reliġjon u affarijiet li jistgħu jitqiesu oxxeni u immorali. Il-qabża leġiżlattiva f’dan il-qasam li saret permezz tar-riformi li daħħal il-Labour, fl-amministrazzjoni preċedenti, kienet qabża kbira ħafna. Ilum, l-avversarji tagħna, jgħidulna li konna qed nesaġeraw u li konna qed niġġieldu għal xi ħaġa li llum tittieħed bħala ovvja, iżda ironikamanet dawn l-avversarji opponew ir-riformi tagħna u biex wasalna s’hawn kellna niġġieldu kontra aġenti kbar li opponewna bħall-Partit Nazzjonalista u l-Knisja, anke kontra elementi konservattivi fi ħdan il-Partit Laburista stess. U f’soċjetà fejn m’hawnx kultura ta’ satira inċisiva, bħalma hi s-satira ta’ Charlie Hebdo, ma kienet faċli xejn li tikkonvinċi lill-Prim Ministru u l-kabinett tiegħu biex jiddikriminalizza l-vilifikazzjoni tar-reliġjon.
Kemm awturi Maltin qed jisfruttaw is-suq Ewropew?
Mhux ħafna imma l-kittieba li jiġu esportati fl-Ewropa qed jiżdiedu. U issa mhux fl-Ewropa biss. Qabel ma kienx hawn starteġija għall-esportazzjoni tal-kittieba Maltin, iżda illum il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandu strateġija wiesgħa u effettiva ħafna u minħabba l-Kunsill l-esportazzjoni tal-kittieba barra minn Malta qed tiżdied b’mod rapidu. Aħna tal-Kunsill inżuru fieri internazzjonali tal-ktieb u nikkompetu ma’ mijiet u eluf oħrajn biex nipprovaw nbigħu u nippromwovu l-kittieba lokali u l-kotba tagħhom. Sfortunatament, aħna limitati bir-riżorsi, imma bil-ftit li għandna qed nagħmlu passi kbar. Dan wieħed irid iżomm f’moħħu li s-suq tal-kotba huwa suq feroċi immens fejn għal kull min irid jixtri għandek mija li jridu jbigħu, imma aħna qed jirnexxielna.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kemm qed ikun strumentali biex jgħin l-awtur Malti?
Illum, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa strumentali ħafna biex jgħin lill-kittieba b’mod finanzjarju u dan qed nagħmluh b’diversi modi. Introduċejna skemi ta’ importanza kbira, il-ħlasijiet tal-jeddijiet tas-Self Pubbliku (Public Lending Rights), nedejna l-Fond Malti tal-Ktieb, u nedejna l-kuntest tal-films qosra bbażati fuq novelli. Apparti dawn il-ħafna skemi u inizjattivi, il-kittieba qed jibbenefikaw minn bejgħ ikbar tal-kotba tagħhom fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb wara li dawwarna dan l-avveniment minn wieħed li kien qed imajna, għal avveniment ta’ suċċess kbir.
Kuntent b’kemm l-awtur Malti jieħu sehem fid-dibattitu fis-soċjetà Maltija. Kultant inħoss li hu magħluq wisq fid-dinja tiegħu u forsi s-soċjetà għandha bżonn leħnu iktar?
Il-problema mhijiex għax l-awtur m’għandux kuntatt mad-dinja ta’ barra jew għax mhux qiegħed jikkomunika mad-dinja ta’ barra biżżejjed. Din hija kwistjoni ta’ perċezzjoni. L-awturi li għandhom ideat skandalużi biex ngħidu hekk huma fil-minoranza u ġeneralment dawn huma l-iktar awturi li jkollhom leħen li jwassal. Eżempju, Alex Vella Gera jafu ħafna nies bih u jafu fiex jemmen allavolja mhux bilfors ikunu qraw il-kotba tiegħu. Ovjament jekk għandek kittieb li ma aċċettax il-medalja tar-Repubblika, dan ser iqanqal iktar interess fih milli awtur ieħor li m’għandux opinjonijiet kontroversjali. Ġeneralment jista’ jkollok min jabbuża minn din is-sitwazzjoni għax imbagħad jista’ jkollok eżempju ta’ faxxist jew anti-semit li ħa jkun kontrovesjali u b’hekk popolari, imma ħa jxerred ir-razziżmu u l-mibegħda. Jien naħseb li fil-kamp letterarju Malti għandna taħlita ta’ awturi, opinjonijiet u politika, iżda l-kittieba li l-aktar iħallu impatt fuq is-soċjetà tagħhom huma l-awturi li jkollhom xogħol ta’ kwalità għolja tant li jirrappreżentaw il-kuxjenza, l-ideoloġija u l-istat storiku taż-żminijiet tagħhom, u Alex Vella Gera għalhekk ukoll huwa popolari mhux biss għax għandu opinjonijiet kontroversjali. Probabbli, ir-rumanz ta’ Vella Gera, Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi, li rebaħ ukoll il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, huwa wieħed mill-ikbar rumanzi bil-Malti li qatt inkiteb.