Psikologi u assistenti psikologi se jkunu qegħdin igawdu minn salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar riżultat ta’ ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Psikologi. Il-ftehim huwa retroattiv u jmur lura b’seħħ mill-1 ta’ Jannar li għadda. Il-ftehim milħuq m’hemmx stipulat it-terminu tiegħu iżda, skont il-Ftehim Kollettiv għall-Impjegati tas-Servizz Pubbliku 2017-2024 it-terminu ma jistax ikun inqas minn ħames snin.
Permezz ta’ dan il-ftehim, Psikologu li jkollu Masters u Warrant issa jibda minn Skala 7 flok minn Skala 8 kif kien isir qabel. Dan ifisser li s-salarju jkun ta’ madwar €1,500 aktar fis-sena. Barra minn hekk, filwaqt li qabel Psikologu kien ried ikun ilu tmien snin fi Skala 7 qabel ikun eliġibbli biex ikun promoss għal Psikologu Anzjan, bil-ftehim ilġdid dan il-perjodu tnaqqas għal sitt snin. Id-differenza fis-salarji bejn Skala 7 u Skala 6 hija ta’ madwar €3,000 fis-sena. Il-ftehim jaħseb ukoll għal titjib ta’ dawk imsejħin Class Allowance u Continuous Professional Development Allowance. F’termini finanzjarji dan it-titjib ivarja minn €300 fl-iskali l-baxxi sa €2,080 fis-sena fl-iskali għoljin għal dik li tirrigwarda Class Allowance, u €465 fis-sena għall-iskali kollha fil-Continuous Professional Development Allowance. B’riżultat ta’ dan il-ftehim inħoloq ukoll Grad ġdid, Psychology Practitioner, b’salarju ta’ Skala 8. Assistenti Psikologi li fil-bidu tal-impjieg tagħhom jibdew b’salarju ta’ Skala 10 jkunu promossi għal dan il-Grad ġdid b’mod awtomatiku jekk jiksbu Masters Degree.
Mitlub jikkummenta dwar dan il-ftehim id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li “huwa kruċjali li jkun rikonoxxut ix-xogħol u l-impenn ta’ kull impjegat, hu x’inhu r-rwol tiegħu, bir-rikonoxximent jinkludi salarji xierqa. Min-naħa tiegħu rikonoxximent bħal dan mistenni jservi ta’ aktar stimulu għal servizz aktar effiċjenti kif wara kollox jixraqlu ċ-ċittadin Malti u Għawdxi.”
In-numru ta’ persuni li jinkwadraw f ’dan il-ftehim jammonta għal aktar minn 70 u huma impjegati fil-Ministeru għasSaħħa, fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u fil-Ministeru għall-Affarijiet tal-Intern u s-Sigurtà. L-akbar ammont, madwar 50, huma impjegati mal-Ministeru għas-Saħħa.