Nhar is-Sibt li għadda tħallsu l-pagamenti addizzjonali għall-bqija tas-sena lill-pensjonanti tas-Servizz, filwaqt li sa nhar is-Sibt li ġej se jkunu tħallsu dawk kollha marbutin mal-pensjoni tar-romol.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet li aġġornat lill-midja rigward dawn iż-żewġ proċessi.
Il-Ministru saħaq kif, b’hekk, issa se tkun twettqet ġustizzja ma’ sebat elef persuna eleġibbli għall-pensjoni tar-romol li bbenefikaw minn żieda addizzjonali u sitt elef u ħames mitt persuna, eliġibbli għall-pensjoni tas-servizz, li raw żieda addizzjonali sa massimu ta’ mitejn ewro.
Fiż-żewġ każi dawn iż-żidiet imorru lil hinn miż-żieda ta’ ħmistax-il ewro fil-ġimgħa li ngħatat lill-pensjonanti kollha.
Iż-żieda addizzjonali, li ngħatat lir-romol, hi parti mill-proċess ta’ aġġustament li issa wasal f’nofsu u mistenni li jkun konkluż sa tliet snin oħra meta dawk eliġibbli jibdew jieħdu l-pensjoni kollha tal-persuna li tkun ġiet nieqsa.
Sadanittant, il-pensjonanti tas-Servizz li jkunu ġew boarded-out u ħarġu bil-pensjoni tas-Servizz kmieni minħabba mard, se jibdew jaraw l-aġġustament imsemmi tal-parti tal-pensjoni kkommutata jsir wara 12-il sena minn meta jkunu bdew jieħdu l-pensjoni tas-Servizz u mhux meta jagħlqu 72 sena.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru Falzon innota kif iż-żidiet fil-pensjonijiet, inkluż dawk li tħabbru d-dettalji dwarhom, ikomplu jgħollu l-livell tal-għajxien tal-persuni li jibbenefikaw minnhom.
“Għandek l-aġġustament fil-każ tal-pensjoni tar-romol fejn gradwalment il-pensjonanti, li jġu nieqsa, il-konjugi li jibqa’ warajhom jirtu l-pensjoni kollha tagħhom u mhux aktar five-sixths u kellna wkoll aġġustament li ta’ kull sena li minn dawk il-persuni li jkollhom il-pensjoni tas-Servizz tiġi injorata mitejn ewro aktar minn dak li jkun ġie injorat fis-sena ta’ qabel mill-pensjoni tas-Servizz tagħhom, dan ifisser garanzija ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar.”