L-ebda applikazzjoni li llum ma taqax taħt il-pjan lokali eżisteni mhi se tiġi proċessata mill-Awtorità tal-Ippjanar qabel ma jiġi konkluż pjan lokali parzjali ġdid u master plan għall-inħawi ta’ Paceville.
Dan ħabbru l-Ministru Edward Zammit Lewis meta kien qed iwieġeb lid-deputat indipendenti Marlene Farrugia waqt laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra.
Farrugia staqsiet meta se tiġi diskussa l-mozzjoni tagħha dwar moratorium dwar proġetti kbar. Il-Gvern qal li, għalkemm ma jaqbilx mal-mozzjoni kif inhija imfassla, hemm punti li hemm konverġenza dwarhom, li bħalissa qed jiġu indirizzati permezz tal-ħidma tal-Gvern stess u tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Ministru Zammit Lewis innota li l-Parlament approva Sped, li huwa l-pjan ħolistiku tal-pajjiż. Dan huwa ekwivalenti għal masterplan nazzjonali.
Il-ħidma dwar dan bdiet f’Diċembru li għadda – u dawn qed jitħejjew anke bl-għajnuna ta’ esperti barranin. Dalwaqt joħorġu abbozzi għall-konsultazzjoni pubblika. Il-proċess mistenni jieħu sa Novembru u d-dokument mistennija jitilgħu quddiem il-Kumitat Permanenti tal-Ambjent u l-Ippjanar kemm qabel kif ukoll wara l-konsultazzjoni pubblika.
Il-pjan lokali jitratta l-użu tal-art fil-masterplan u jitratta l-organizzazzjoni tal-infrastruttura. Din hija l-ewwel darba li hemm dan il-proċess ta’ masterplan speċifiku għal żona urbana.