L-aġir tal-Kummissarju għall-Ambjent, David Pace, fl-aħħar snin imur għal kollox kontra parir li kien ta’ l-eks speaker tal-Parlament Michael Frendo.
Parir ċar u bil-miktub mibgħut lill-eks Ombudsman, Joseph Said Pullicino, li taħt it-tmexxija tiegħu Pace baqa’ jaġġixxi b’mod li qajjem kwistjonijiet etiċi kbar. Xi ħaġa li waslet biex għand l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż wasal ‘file’ anonimu bid-dettalji ta’ kif Pace baqa’ għaddej b’xogħol bi qligħ wara li nħatar fl-uffiċċju tal-Ombudsman. Kariga li suppost titlob imparzjalità kbira.
Dokument li ppubblika dalgħodu l-ġurnal KullĦadd jindika b’mod ċar li l-eks speaker, Michael Frendo, kien ta parir bil-miktub biex ma jsirx xogħol fil-privat li jista’ jitfa’ dell ikrah fuq in-nies maħtura fl-uffiċċju tal-ispeaker.
“Jiena tal-fehma li fl-aħjar interess tal-uffiċċju tal-Ombudsman u tal-fiduċja tal-pubbliku f’tali uffiċċju, biex ikun evitat kull ekwivoku jkun għaqli li l-ombudsman u l-Kummissarji nominati taħt l-Att dwar l-Ombudsman m’għandhom jagħmlu l-ebda ħidma oħra għal qligħ jew rikompens ieħor anke jekk din il-ħidma ssir b’mod okkażjonali,” kien kiteb l-ispeaker Frendo.
Frendo kien iċċara wkoll li artikli dwar kunflitt li jinsabu fil-liġi dwar l-ombudsman jgħoddu wkoll għall-Kummissarji. Minkejja dan Pace ġie jaqa’ u jqum u baqa’ għaddej jagħmel xogħol bi qligħ.
Il-Kummissarju għall-Ambjent fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman kien konxju bit-tagħrif li wasal dwaru. Iżda, reaġixxa bil-miktub wara li l-każ ħareġ fil-midja. F’ittra mibgħuta lill-ispeaker tal-kamra Anglu Farrugia, David Pace prova jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu u saħansitra ammetta li minbarra dak imsemmi fid-dokument anonimu għamel xogħol ieħor
Qal li f’Lulju 2012 meta nħatar bħala Kummissarju beda jorganizza l-uffiċċju privat u l-Perit Katia Agius, li sab biex taħdem miegħu, riedet il-ħin biex issib polza tal-assigurazzjoni. Żied li sakemm seħħ dan il-MEPA talbet ‘method statement’ b’rabta mal-permess li kien qed jintalab fuq proprjetà fil-Belt u għalkemm kien inħatar Kummissarju aġixxa f’isem l-applikant.
“Jien kelli diversi kawżi tal-Qorti li fihom kont ġejt maħtur Perit. Dawn il-perizji jien għalaqthom billi lestejt ir-rapport tiegħi, fejn fl-aħħar waħda ppreżentajta xi ġimgħat ilu,” qal Pace biex ammetta li xogħol privat għamel iktar minn dak magħruf sa issa. Però żied li meta ħa l-kariga qalulu li seta’ jtemm ix-xogħol li kellu, anke jekk ma ndikax min qallu dan. Ammetta wkoll li għad hemm kawżi fejn qed jassisti bħala perit legali. B’hekk dan kollu sar wara l-ittra ta’ Frendo.
Il-każ ta’ Pace kien diġa’ qajjem mistoqsijiet kbar fl-2012 meta Flimkien għal Ambjent Aħjar kienet qajmet oġġezzjonijiet diġa’ b’rabta mal-applikazzjoni fil-Belt.