Għawdxin li tkellmu ma’ One News esprimew ir-rabja tagħhom għal kif żewġ kuntratturi aħwa tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, Peter Paul u Josef Said, fl-aħħar xhur ħaduha moda li jaħslu t-trakkijiet tal-konkos tal-kumpanija tagħhom Said Construction Ltd f’wied u jarmu s-siment illegalment f’kanal li jagħti għar-Ramla l-Ħamra.
Ftit jiem ilu, l-għaqda Nadur Nadif ilmentat li rat b’għajnejha dan l-aġir illegali. Dan qed jitwettaq mhux biss kontra l-liġi imma wkoll minkejja li hemm tabella li tfakkar b’mod ċar li m’għandux isir rimi hemmhekk.
Il-grupp ambjentali irrimarka li, b’riżultat ta’ dan l-aġir, il-kanal tal-ilma li jgħaddi minn taħt wiċċ it-triq qed jiġi imblukkat. Wissa li dan jista’ jwassal biex dawk l-inħawi jegħrqu fl-ilma meta tagħmel ħafna xita.
X’aktarx li ssir ħsara wkoll lill-għelieqi tal-madwar, lill-istruttura tat-triq, u dan jioħloq periklu għall-pubbliku filwaqt li jhedded l-għajxien tal-bdiewa.
Ikkuntattjat minn One News, is-Sindku tan-Nadur, Edward Said, li jiġi ħu d-deputat Chris Said u wkoll ħu ż-żewġ kuntratturi li tal-kumpanija Said Construction Ltd, qal li meta rappreżentanti tal-għaqda Nadur Nadif kellmuh dwar din is-sitwazzjoni, talabhom jirrappurtaw dak li raw b’għajnejhom u jgħaddu r-ritratti lill-awtoritajiet konċernati, inkluż lill-Pulizija.
“Bħala Kunsill Lokali nikkundannaw bil-qawwa atti bħal dawn, u partikularment oxxenità bħal din,” qal Edward Said, filwaqt li wiegħed li l-Kunsill tan-Nadur se jibqa’ jaħdem ma’ Nadur Nadif biex jitwettaq aktar ġid fir-rigward tal-ambjent.
Nadurin li tkellmu ma’ One News irrimarkaw li, ironikament, filwaqt li l-Kunsill immexxi minn Said joġġezzjona b’mod voċiferu għal diversi applikazzjonijet mal-Awtorità tal-Ippjanar fir-raħal tan-Nadur, l-istess Kunsill ma ħassx il-bżonn li jirrapporta hu nnifsu din il-qerda ambjentali li qed iwettqu ħut is-Sindku.
Il-Kunsill u s-Sindku tan-Nadur lanqas ma qatt irrappurtaw l-impjant u bitħa industrijali illegali li nbniet minn ħut is-sindku taħt it-Torri ta’ Kenuna, f’post ieħor pittorest u barra miż-żona tal-iżvilupp, issa meqrud bl-illegalitajiet. Dan l-impjant għadu jiġi operat b’mod illegali ta’ kuljum minkejja li nħarġet ordni ta’ infurzar.
Min-naħa tiegħu, b’kuntrast mas-sindku tan-Nadur, is-Sindku tax-Xagħra, Christian Zammit, mhux biss ikkundanna bis-sħiħ dak li sejjaħlu “att kriminali” iżda qal li hu stess talab lill-Pulizija biex tinvestiga.
Kelliem għall-Pulizija qal lil One News li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ.