“Flimkien mal-Kumitat Eżekuttiv, il-klabbs, il-coaches, il-ġenituri u il-plejers nemmen li nistgħu nkompli nibnu Assoċjazzjoni b’saħħitha li issaħħaħ il-livell tal-Badminton f’Malta, ġġib avvenimenti internazzjonali lejn pajjiżna u tagħti iktar ċans lin-nies biex jippruvaw l-isport tal-Badminton.” saħaq Grech.
Waqt l-istess laqgħa ġie wkoll approvat statut ġdid għal Assoċjazzjoni. Dan l-istatut kien ilu jiġi diskuss f’eżerċizzju li dam xhur, bl-għajnuna legali ta’ Dr. Stephen Muscat u li involva il-klabbs kollha fejn ġew diskussi il-punti kollha tal-istatut u dan ġie modernizzat biex ikun prattiku għaż-żminijiet tal-lum.
Fost il-bidliet prinċipali li saru nsibu l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu fejn il-membri kollha tal-klabbs ser jibdew jiġu wkoll reġistrati bħala membri fl-assoċjazzjoni; massimu ta erba’ elezzjonijiet għall-pożizzjonijiet ta’ President u Segretarju Ġenerali, b’kull elezzjoni ssir kull sentejn, għal massimu ta’ tmien snin; it-tneħħija ta’ ħlas għal plejers ta’ taħt it-tmintax-il sena biex jiċċaqilqu minn klabb għal ieħor, dan biex jagħti iktar flessibilta’ u liberta’ ta’ għażla lil plejers u li l-uffiċjali ta’ Badminton Malta ma jistgħux jirreġistraw mal-Assoċjazzjoni ma’ klabb iżda b’mod individwali.
Samuel Cali u Emanuel Gatt ġew ukoll konfermati bħala membri fil-Kumitat Eżekuttiv u wara nuqqas ta’ ħafna snin, kien hemm nominazzjoni għal uffiċjal responsabli mill-media fejn Chris Spiteri, li kien iservi bħala President fis-snin li għaddew ġie elett f’dan ir-rwol.
B’hekk il-Kumitat Eżekuttiv issa huwa kompost minn Owen Grech bħala President, Jo’Anne Cassar Seġretarja Ġenerali, Stephen Ferrante Viċi-President, Frederick Clark Teżorier, Chris Spiteri Uffiċjal responsabbli mill-media u Samuel Cali u Emanuel Gatt bħala membri.