Il-Ministru Owen Bonnici jisħaq li għandu jkun prinċipju b’saħħtu li l-konsumatur jiġi protett kemm jekk jixtri online u kemm jekk jixtri offline
“Huwa kruċjali li nsaħħu l-fiduċja tal-konsumatur kemm fis-swieq tradizzjonali u kemm fis-swieq fuq l-internet. Biex dan isir huwa kruċjali li nipproteġu lill-konsumatur kemm jekk wieħed jixtri online u kemm jekk wieħed jixtri offline b’regoli li kemm jista’ jkun ikunu viċin ta’ xulxin.” Dan qalu l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt li kien qiegħed jattendi għal-laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Tallinn, l-Estonja.
Wara li Owen Bonnici rringrazzja lill-ministri kollha tal-UE tal-appoġġ tagħhom fix-xogħol li sar waqt il-Presidenza Maltija, huwa saħaq li għandu jkun prinċipju b’saħħtu fuq livell Ewropew li m’għandna qatt naċċettaw l-idea ta’ livelli differenti ta’ protezzjoni lill-konsumatur jekk wieħed jixtri mill-internet flok minn ħanut. Huwa biss jekk insaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur li l-fiduċja fis-swieq tikber, u din il-protezzjoni trid tkun, kemm jista’ jkun, permezz ta’ regoli li kemm jista’ jkunu uniformi u armonizzati.
Waqt il-laqgħa kompliet id-diskussjoni dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, fejn il-Ministri tal-Ġustizzja komplew jiddiskutu dettalji tekniċi dwar kif tista’ tissaħħaħ il-koperazzjoni u l-ħidma sabiex jonqos l-aċċess tat-terroristi għall-finanzjament. Bl-istess mod kompliet id-diskussjoni dwar il-bilanċ delikat li għandu jintlaħaq bejn minn bandawaħda l-libertajiet tal-persuni, u mill-banda l-oħra d-drittijiet tal-istat għal informazzjoni u data li tinġieb permezz tal-informatika.
Diversi ministri u kummissarji ferħu lil Malta tal-Presidenza ta’ suċċess li tmexxiet fl-aħħar sitt xhur fil-qasam tal-ġustizzja u rrimarkaw li sar progress importanti ħafna fuq diversi files li huma essenzjali għal iktar sigurta’ u koperazzjoni fil-kamp ġudizzjarju.