Malta tibqa’ turi solidarjetà u appoġġ mal-poplu Ukren. Dan kien il-messaġġ li għadda l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici f’laqgħa li kellu mal-Aġent Ministru tal-Kultura u l-Politika tal-Informazzjoni tal-Ukrajna, Rostyslav Karandieiev.
Iż-żewġ Ministri ltaqgħu f’Kyiv, fl-Ukrajna stess, fejn tkellmu dwar diversi temi partikolari, fosthom l-impenn tal-poplu Malti li jibqa’ jkun ta’ spalla mal-poplu Ukren fid-dawl tal-aggressjoni militari li dan għaddej minnha.
Hawn ġie enfasizzat il-punt li s-solidarjetà ma tintweriex biss bl-għajnuna umanitarja u s-servizzi mediċi, li huma importanti ferm u diġà qed jingħataw minn Malta, iżda wkoll permezz tal-arti u l-kultura.
F’kumment lill-midja lokali, l-Ministru Bonnici saħaq kif, bħala ċittadini Ewropej, għandna ninkludu wkoll lill-poplu Ukren bħala ġens Ewropew.
Qal, “Huwa fl-interess tagħna li nikkollaboraw u naħdmu flimkien biex naraw kif nistgħu ngħinu anke mil-lat kulturali lil dan il-poplu li hu għal qalbna ħafna. Fil-laqgħa, li kelli mal-Ministru tal-Kultura Karandieiev, tkellimna dwar kif nistgħu nikkollaboraw f’diversi oqsma, però aktar importanti minn hekk urejna soliderjetà fil-prattika fejn ma’ dan il-pajjiż, ma’ dan il-ġens, irridu nkomplu nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna għall-futur, aktar qrib flimkien għall-futur mibni fuq il-paċi.”
Matul iż-żjara tiegħu f’Kyiv, il-Ministru Bonnici kellu wkoll laqgħa mas-Sindku ta’ Kyiv, Vitaliy Klychko, u uffiċjali oħrajn tal-Gvern Ukren.